Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg bħalissa qiegħed fuq żjara ministerjali fl-istat ta’ Israel. Il-Ministru ltaqa’ mal-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura Nazzjonali u Sigurtà fuq it-Toroq, Yisrael Katz biex jiddiskuti ideat u soluzzjonijiet relatati mas-sistemi tat-trasport.
Il-Ministru Borg ser ikollu wkoll diversi laqgħat oħra fuq diversi proġetti li ġew implimentati barra minn xtutna u li jista’ ikun li jkollhom potenzjal ta’ suċċess f’pajjiżna. L-għan prinċipali ta’ din iż-żjara hija li jiġu identifikati soluzzjonijiet li jistgħu jgħinu lil pajjiżna jifforma futur aktar pożittiv fil-mobilità urbana.
Il-Ministru Ian Borg tenna, “Huwa fl-interess ta’ pajjiżna u l-għan tal-Ministeru li ninvestu sostanzjalment fl-infrastruttura tal-pajjiż kif fil-fatt diġà qed nagħmlu. Madanakollu, irridu inħarsu lil hinn minn dan l-investiment biss bħala soluzzjoni unika u nevalwaw inizjattivi varji li jimmiraw li jegħlbu l-isfidi li pajjiżna jaffaċċja fil-mekkaniżmi tat-trasport. Irridu niffukaw biex ntejbu s-sistemi tat-trasport lokali fuq diversi livelli”.