L-aġenda tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kienet il-prijorità ewlenija f’għadd ta’ laqgħat bilaterali li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, kellu fi New York.
Fost l-oħrajn, il-Ministru Borg kellu laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres. Is-Segretarju Ġenerali rringrazzja lil pajjiżna għall-fatt li mexxa ’l quddiem għad-diskussjoni numru ta’ suġġetti importanti li hemm bżonn jiġu indirizzati fir-rigward tal-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja, fosthom it-tibdil fil-klima u l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Flimkien mas-Segrtarju Ġenerali Guterres, il-Ministru Borg tkellem ukoll dwar l-aħħar żviluppi fil-Libja.
Laqgħa oħra kienet mal-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Csaba Kőrösi [ĊA-BA – Kı-RO-XI], li miegħu ġew diskussi t-temi u l-laqgħat li huma ppjanati li Malta se tkun qed tmexxi ’l quddiem bħala President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti matul ix-xahar ta’ Frar.
Il-Ministru Borg u l-President Kőrösi [Kı-RO-XI] tkellmu dwar kif il-ħidma tal-Assemblea Ġenerali u tal-Kunsill tas-Sigurtà jistgħu jikkumplimentaw kemm jista’ jkun lil xulxin matul dan iż-żmien importanti.
Il-Ministru Ian Borg iltaqa’ wkoll mal-Kap tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-terroriżmu, Vladimir Voronkov. Miegħu ddiskuta l-irwol ta’ pajjiżna bħala membru u anke President tal-Kunsill tas-sigurtà sabiex ikun hemm kollaborazzjoni effettiva fix-xogħol li jsir ma’ dan l-Uffiċċju.
Ritratti (MFET)