Fuq stedina uffiċjali tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija, il-Prinċep Faisal bin Farhan Al Saud, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ Ian Borg għamel żjara uffiċjali fil-pajjiż.
Matul iż-żjara, il-Ministru Borg kellu numru ta’ laqgħat uffiċjali, fosthom mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija, il-Prinċep Faisal bin Farhan Al Saud.
Matul il-laqgħa, iż-żewġ ministri komplew isaħħu t-temi ta’ kollaborazzjoni li qablu fuqhom fil-laqgħat f’Malta.
It-tisħiħ tal-kollaborazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi kienet fuq nett tal-aġenda. Fil-fatt, il-Ministru Ian Borg kien ukoll akkumpanjat minn delegazzjoni Maltija tal-kummerċ immexxija minn Trade Malta.
“Tkellimna dwar diversi temi. L-isfidi fir-reġjun tagħna, fir-reġjuni tagħhom u allura dan anke fuq il-ħidma li Malta se jkollha minn Jannar li ġej bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda però umbghad tkellimna wkoll fuq l-aspett tal-kummerċ.”
Il-Ministru Ian Borg sostna wkoll l-importanza ta’ aktar komunikazzjoni ma’ dan il-pajjiż favur aktar benefiċċji lil diversi oqsma f’pajjiżna.
“Aħna emfasizzajna li r-rispett u l-komunikazzjoni żammejniha dejjem u hemm bżonn niftħuha iżjed. Dan f’oqsma kif għidt ta’ kummerċ, ta’ kultura, in-nies bejniethom, studenti li jistgħu jiġu jistudjaw Malta u viċi versa.”
Id-delegazzjoni Maltija kellha numru ta’ laqgħat, fosthom mal-Kamra tal-Kummerċ tal-Arabja Sawdija u ma’ bosta negozji Maltin u dawk tal-Arabja Sawdija sabiex jistabbilixxu relazzjoni li toffri aktar opportunitajiet kummerċjali.