Waqt iż-żjara uffiċjali tiegħu fil-Ghana, f’isem il-Gvern Malti, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kellu laqgħa uffiċjali mal-Majestà Tiegħu Otumfou Nana Osei Tutu II, li huwa s-16-il Asantehene, fil-Palazz ta’ Manhyia.
Waqt udjenza li kellu mal-Asanthene, il-Ministru Borg tkellem dwar il-progress qawwi li hemm fir-relazzjonijiet b’saħħithom bejn Malta u l-Ghana u anke permezz tal-inawgurazzjoni tal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Accra. Huwa kompla jgħid kif Malta għandha l-għan li tkompli timplimenta l-istrateġija ta’ pajjiżna mal-Afrika għall-2020-2025 sabiex tkompli titkabbar il-kooperazzjoni mal-imsieħba Afrikani.
Huwa kompla jgħid li Malta se tkun qed tkompli tara li jkun hemm kooperazzjoni mhux biss fis-settur pubbliku iżda anke f’dak privat u għalhekk li nġiebet delegazzjoni kummerċjali b’saħħitha. Il-Ministru Borg sostna li se jkun qed jara li d-diversifikazzjoni fil-kooperazzjoni tkompli tħalli l-frott filwaqt li toħloq opportunitajiet ġodda li permezz tagħhom jibbenefikaw iż-żewġ popli.
Il-Ministru Borg kompla jgħid kif f’isem il-Gvern Malti japprezza l-irwol importanti tal-Majesta Tiegħu l-Asantehene fejn jipprijoritizza l-aġenda ta’ żvilupp fil-komunitajiet rispettivi. Huwa għalhekk li l-Gvern Malti huwa interessat li jkompli jintensifika l-kollaborazzjoni soċjo-ekonomika.
Min-naħa tiegħu, il-Majesta Tiegħu Otumfour Nana Osei Tutu II irringrazzja lill-Gvern Malti li bagħat delegazzjoni politika u anke dik ta’ kummerċ sabiex tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Huwa kompla jgħid kif b’dan il-mod tista’ tkompli tiġi mmassimizzata l-ħbiberija u ż-żewġ popli jimxu ‘l quddiem.