Waqt żjara uffiċjali f’Pariġi, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg iltaqa’ mal-Ministru għat-Trasport ta’ Franza Elisabeth Borne, fejn iż-żewġ Ministri kellhom l-opportunità jiddiskutu l-immaniġġjar tat-traffiku, proġetti infrastrutturali f’Malta—fosthom il-mina bejn Malta u Għawdex—it-trasport marittimu, fejn anke iffukaw fuq il-kwistjoni ta’ ECA MED relatata mal-kontroll tal-emissjonijiet fis-settur marittimu, u suġġetti ta’ interess komuni għaż-żewġ pajjiżi, fosthom il-prijoritajiet tal-Kummissjoni u l-pakkett tal-mobbiltà.
Il-Ministru Borg attenda wkoll laqgħa mad-Direttorat għall-Immaniġġjar tan-Network Nazzjonali tat-Toroq fi Franza fejn ġew diskussi diversi aspetti relatati ma’ dan is-suġġett fir-rigward taż-żewġ pajjiżi kif ukoll laqgħa mal-Federazzjoni Nazzjonali tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi Franza u mal-Federazzjoni Franċiża tal-Imprendituri Internazzjonali, fejn iltaqa’ ma’ numru ta’ kuntratturi u kumpaniji tal-inġinerija. Hawnhekk ġew diskussi numru ta’ suġġetti importanti għal pajjiżna, fosthom il-mini fin-network tat-toroq, il-bini mill-ġdid tat-toroq u pjanijiet għall-Port il-Kbir tal-Belt Valletta.
Waqt iż-żjara tiegħu fi Franza, il-Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ wkoll mas-Société du Grand Paris fejn ipparteċipa f’diskussjonijiet dwar il-proġett Franċiż għal metro filwaqt li pparteċipa wkoll f’diskussjonijiet ma’ EGIS flimkien ma’ numru ta’ esperti, fejn ġew diskussi diversi kunċetti dwar mini, modi ta’ operat u anke s-sistema tal-metro. Wara din il-laqgħa, il-Ministru Borg kellu l-opportunità jżur is-sit tal-kostruzzjoni ta’ mina li qiegħda ssir minn EGIS.
F’kumment dwar iż-żjara tiegħu, il-Ministru Ian Borg qal, “Nemmen li d-diskussjoni hija xi ħaġa b’saħħitha u li r-relazzjonijiet pożittivi li għandna mal-kollegi tagħna Ewropej huma importanti. Li tisma’ u titgħallem mingħand ħaddiehor u li taqsam l-aqwa prattiki tiegħek magħhom hija wieħed mill-aqwa aspetti li tkun parti minn team internazzjonali ta’ pajjiżi. Hawnhekk kellna l-opportunità niddiskutu bosta elementi importanti relatati mal-pjanijiet tagħna għas-setturi tal-infrastruttura u t-trasport u nħares ’il quddiem għal aktar kollaborazzjoni.”