Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg żar l-Etjopja fuq stedina tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin il-ġdid tal-pajjiż fejn kellu numru ta’ diskussjonijiet sabiex Malta tkompli taħdem fuq ir-relazzjoni ma’ dan is-sieħeb strateġiku fil-Qarn tal-Afrika.
Il-Ministru Ian Borg kellu laqgħa mal-Prim Ministru Abih Ahmed Ali. Huwa għal darb’oħra tenna kif Malta tqis lill-Etjopja bħala pajjiż ta’ prijorità u dan fit-twettiq tal-istrateġija għall-politika barranija ta’ pajjiżna vis-a-vis dan il-kontinent importanti.
Hawnhekk saret diskussjoni wkoll dwar l-ewwel delegazzjoni ta’ kummerċ li saret l-Etjopja fil-ġranet li għaddew, immexxija minn TradeMalta. Kif ġara f’pajjiżi oħra, huma esploraw l-opportunitajiet li dan il-pajjiż joffri lin-negozji u kumpaniji Maltin. Mill-ewwel indikazzjonijiet u anke skont l-aħħar diskussjonijiet politiċi jidher li l-interess huwa wieħed qawwi miż-żewġ naħat.
Matul din iż-żjara f’Addis Ababa huwa kellu diskussjonijiet mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin il-ġdid tal-pajjiż, Taye Atske Selassie. Hawnhekk Dr Borg awgura kull suċċess lill-Ministru Selassie fil-kariga l-ġdida tiegħu. Id-diskussjoni primarja ffukat fuq ir-relazzjoni bilaterali li teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi u l-ħsieb li din tkompli tittejjeb kif ġara matul l-aħħar snin.
Ġew diskussi wkoll materji relatati mar-reġjun, u l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jidhru filwaqt li kienet mitkellma wkoll il-ħidma ta’ pajjiżna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u l-Presidenza li pajjiżna se jkun qed jokkupa f’April. Fuq l-aġenda kien hemm ukoll is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u anke dik fil-Lvant Nofsani.
Għal dawn il-laqgħat il-Ministru għall-Affarijiet Barranin kien akkumpanjat mal-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Etjopja u l-Unjoni Afrikana Ronald Micallef.