Il-Ministru Helena Dalli kellha laqgħa bilaterali mal-President għall-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) Luca Jahier fejn matulha tkellmu dwar temi kurrenti fl-Unjoni Ewropea fosthom il-migrazzjoni, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Dr Dalli qalet li l-immigrazzjoni hi sfida ewlenija li teħtieġ solidarjetà konkreta mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Bir-regoli preżenti ħafna mill-piż qed jaqa’ fuq il-pajjiżi fil-fruntiera tal-Unjoni u dan hu ta’ detriment għall-proġett Ewropew speċjalment għall-fatt li dan qed iwassal għal żieda fil-popolarità ta’ partiti estremi, spjegat il-Ministru.
Il-Ministru tkellmet ukoll dwar il-bżonn ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Qalet li filwaqt li fejn hu possibbli tajjeb li l-istati membri jkollhom il-possibbiltà jaraw x’miżuri jittieħdu fuq livell lokali skont il-ħtiġijiet ekonomiċi tagħhom, il-kunċett għandu japplika fuq livell Ewropew. Dan hu mod kif il-ħaddiema jistgħu jgawdu l-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea b’mod tanġibbli fi żmien fejn ħafna qed jiddubitaw il-proġett Ewropew. Dan ħareġ b’mod partikolari permezz tar-riżultat tar-referendum dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Dalli qalet li Malta kommessa li żżomm djalogu kontinwu mas-sħab soċjali u mal-pubbliku inġenerali biex iżżomm l-Unjoni Ewropea kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin. Dr Dalli qalet li ċ-ċittadini jridu jaraw ir-ruħ soċjali tal-Unjoni biex id-distakk bejniethom jiġi indirizzat.
Matul il-laqgħa l-Ministru Dalli kienet akkumpanjata mir-rappreżentant il-ġdid ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea Daniel Azzopardi.