L-industrija tal-films hi industrija oħra importanti fil-qasam tat-turiżmu bis-sena 2019 tkun waħda rekord, għax ġabet lejn Malta 21 produzzjoni li ħallew €40 miljun fl-ekonomija.
Jeħtieġ għalhekk li nkomplu nsaħħu l-investiment fir-riżorsi lokali, sostniet il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt żjara lill-ħaddiema u lill-management tal-Kummissjoni Maltija tal-Films.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ltaqgħet ukoll mal-Kumissarju tal-Films, Johann Grech, li spjega fid-dettall il-master plan tal-Kummissjoni Maltija tal-Films li mistenni jiġi varat fix-xhur li ġejjin. Bl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan, se naraw tibdil sħiħ fil-faċilitajiet tal-Malta Film Studios.
Qal ukoll li pajjiżna diġà hu popolari għall-użu tat-tankijiet li jinsabu fil-Malta Film Studios u esprima l-viżjoni tiegħu li malli jitlesta dan il-proġett, aktar produtturi tal-films se jkomplu jagħżlu lil Malta għall-produzzjonijiet tagħhom.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, is-Sur Ronald Mizzi.