Waqt żjara li għamlet lill-ħaddiema u lill-management tal-Malta Freeport Corporation u tal-Malta Freeport Terminals, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli faħħret l-investiment li sar matul is-snin fil-Freeport fejn jidħol xogħol infrastrutturali kif ukoll xiri ta’ makkinarju ġdid.
Il-Ministru Farrugia Portelli semmiet li dan l-investiment mhux biss kien strumentali biex żdiedet l-effiċjenza tal-operat tal-Freeport, imma kellu wkoll impatt pożittiv fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna. Fil-fatt, mill-aħħar statistika miġbura mill-kumpanija, jirriżulta li l-Malta Freeport Terminals iġġenera kważi €160 miljun, ekwivalenti għal 2.1% tal-prodott gross domestiku.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli enfasizzat il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn l-operat tal-Freeport u l-interessi tar-residenti ta’ Birżebbuġa u l-akwati tal-madwar. F’dan ir-rigward, insistiet li għandu jsir studju ieħor dwar it-tniġġis mill-ħsejjes li joriġinaw mill-operat tal-Freeport u li r-residenti ta’ Birżebbuġa ilhom snin jilmentaw dwarhom. Dan l-istudju xjentifiku u komparattiv hu kruċjali biex ikejjel l-impatt pożittiv li kellu l-investiment tal-white noise alarms, apparat intenzjonat li jnaqqas drastikament il-ħsejjes iġġenerati mill-Freeport.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Corporation, is-Sur David Magro, faħħar is-suċċess li kellha l-iskema tad-double glazing is-sena li għaddiet, tant li hu mistenni li din terġa’ tiġi estiża. Barra minn hekk, qal li flimkien mar-Regulator for Energy and Water Services (REWS) qed ikomplu għaddejjin l-istudji neċċessarji sabiex jiġi analizzat il-progress li sar fejn jidħlu l-effetti li jistgħu jħallu l-ħsejjes u d-dħaħen fuq is-saħħa tar-residenti ta’ Birżebbuġa u tal-madwar.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Terminals, is-Sur Alex Montebello, spjega l-investiment fejn jidħol ix-xiri ta’ żewġ krejnijiet ġodda li se jwasslu biex vapuri kbar jibdew jirmiġġaw iżjed ’il barra u b’hekk jonqsu l-ħsejjes.
Fl-aħħar nett, il-Ministru Farrugia Portelli faħħret il-proġetti li mistennija li jsiru fiż-żmien li ġej, fosthom dak tar-riġenerazzjoni taż-żona bejn il-klabb tas-sailing u l-klabb tal-boċċi kif ukoll il-finanzjament ta’ tliet miljuni fuq il-proġett ta’ parkeġġ ġdid li se jkun jista’ jintuża wkoll mir-residenti ta’ Birżebbuġa.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika, Deo Debattista, u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, is-Sur Ronald Mizzi.