Fid-Danimarka, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, kellu laqgħat mad-Direttur Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, Dr Hans Kluge, u d-Diretturi tal-Kunsill Eżekuttiv tiegħu.
Matul dawn il-laqgħat ġew diskussi bosta temi ta’ kollaborazzjoni, fosthom fil-kura tas-saħħa mentali, in-non-communicable diseases, bħal mard tal-qalb u l-kanċer, is-saħħa diġitali, l-anzjanità attiva, il-kura paljattiva u l-kura fit-tul.
Il-Ministru Malti tenna li, f’dan il-qasam kruċjali, Malta mhux biss qed taħdem biex tkun konformi mal-viżjoni tal-WHO, imma wkoll biex tkun pijuniera ħalli pajjiżi oħrajn jimxu fuq il-passi tagħha f’ċerti oqsma, kif diġà seħħ fil-passat.
“F’ġurnata impenjattiva fid-Danimarka, kellna diskussjonijiet intensivi dwar diversi oqsma li jaffettwaw lill-Maltin u lill-Għawdxin. Dawn id-diskussjonijiet mal-World Health Organisation, l-uffiċċju tagħhom tal-Ewropa, għandhom iwasslu biex is-saħħa f’pajjiżna tingħata aktar prijorità”.
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Hu fakkar kif, fl-aħħar ġimgħat, pajjiżna nieda riforma għall-kura tas-saħħa mentali, kif ukoll nieda konsultazzjoni pubblika dwar mard li ma jitteħidx.
Dwar il-kura tal-anzjani, hu spjega kif, fl-aħħar snin, pajjiżna għamel qabża kbira f’dan ir-rigward, fejn ġew introdotti numru ta’ servizzi fil-komunità kemm dawk kliniċi kif ukoll ċentri ġodda ta’ matul il-jum.
Semma wkoll il-ħidma li qegħda ssir fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġjia Nazzjonali għad-Dimensja u l-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Reġjonali tal-WHO, Dr Hans Kluge, faħħar il-ħidma li wettqet Malta fis-settur tas-saħħa, b’mod partikolari l-għajnuna u s-sostenn li pajjiżna qed joffri lill-vittmi milqutin fil-Medda ta’ Gaza.
Hu rrimarka li l-viżjoni li Malta għandha għas-settur tas-saħħa hi konformi mal-viżjoni li l-WHO qed tara li għandha tiġi implimentata fil-pajjiżi Ewropej.