Is-Sibt filgħodu, il-Ministru tas-Saħħa Libjan flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, żaru diversi entitajiet tas-saħħa f’pajjiżna.
Dan bħala parti miż-żjara uffiċjali tal-Gvern għall-Għaqda Nazzjonali tal-Libja f’Malta.
Fi stqarrija mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru ntqal kif iż-żewġ ministri żaru ċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo u l-Isptar Mater Dei.
Żaru wkoll il-post fejn qed jinbena l-isptar il-ġdid Ċensu Moran f’Raħal Ġdid u anke l-klinika fil-Fgura.
Hawn intqal kif permezz ta’ dawn iż-żjarat, il-Ministru Libjan ġie spjegat kif taħdem is-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna.
Fl-istqarrija ngħad li ż-żewġ Ministri jinsabu ottimisti għall-kollaborazzjoni bejn Malta u l-Libja fil-qasam tas-saħħa.