Il-Ministeru għas-Saħħa jinsab f’diskussjonijiet avvanzati mal-Uffiċċju tal-President biex mis-sena d-dieħla, il-Gvern jibda jixtri direttament hu l-mediċini tal-kanċer, li mhumiex fuq il-formularju tal-Gvern. Ħabbar dan il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela fil-Parlament, waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi tal-Baġit 2025 għal dan il-Ministeru.
S’issa, il-Gvern kien iħallas miljuni kbar lill-Malta Community Chest Fund biex il-pazjenti jieħdu dawn il-mediċini, tant li, s’issa, il-Gvern ħallas mat-€22 miljun u, sal-aħħar ta’ din is-sena, mistennija jiżdiedu b’ħames miljun ewro oħra.
B’hekk, awtomatikament, il-Malta Community Chest Fund Foundation se tkun tista’ tiddedika iżjed ħidmietha fuq każi oħrajn soċjali.
Dwar l-Isptar t’Għawdex, il-Ministru Abela sostna li għadu kemm ġie installat CT Scanner portabbli, li se jibda joffri servizz lill-Għawdxin mit-Tnejn li ġej. Dan sakemm, f’Jannar li ġej se tkun lesta sala ġdida għal dan l-apparat essenzjali biex ikun permanenti.
Dan wara li, aktar kmieni din is-sena, ukoll beda jingħata għall-ewwel darba s-servizz tal-MRI lill-Għawdxin f’Għawdex stess.
Dwar iċ-Ċentru tas-Saħħa Vincent Moran f’Raħal Ġdid, magħruf ukoll bħala l-Paola Hub, li għandu jtaffi b’mod qawwi l-piż minn fuq l-Isptar Mater Dei, waqt li jaqdi lill-popolazzjoni tan-Nofsinhar tal-pajjiż, il-Ministru Abela ħabbar li, minn din il-ġimgħa stess, se jibda jintuża l-MRI fi ħdanu.
Fid-diskors tiegħu waqt is-seduta Parlamentari tat-Tnejn, il-Ministru għas-Saħħa ħabbar ukoll li, sa tmiem din is-sena, il-Gvern se jestendi s-servizz tal-monitoraġġ awtomatiku għall-pazjenti kollha ta’ kull età li jbatu bid-Dijabete tat-Tip 1.
B’hekk se jibbenefikaw 1,500 persuna, waqt li l-investiment hawnhekk se jkun ta’ €10 miljun.
Hu ttratta wkoll l-IVF, fejn semma kif ir-rata ta’ suċċess f’termini ta’ tqala qabżet is-66%, li mhux biss ċifra rekord għal pajjiżna, iżda wkoll tiżboq is-suċċess fl-Ewropa.