Fil-Parlament, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, qal li l-operazzjoni fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin, li bdiet nhar is-Sibt li għadda u li kompliet il-Ħadd kmieni filgħodu, kienet waħda mill-akbar operazzjoni li kellu d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
F’dan l-inċident tilef ħajtu Jean Paul Sofia, żagħżugħ ta’ għoxrin sena, li nqabad taħt it-tifrik.
Il-Ministru Camilleri spjega li l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru mill-ewwel fuq il-post, anki minħabba li l-istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili f’Kordin jinsab ftit passi ’l bogħod minn fejn seħħ il-każ.Huwa qal li kien hemm kordinament kbir bejn il-korpi dixxiplinati.
Il-Ministru għall-Intern qal li l-ewwel ħidma ta’ salvataġġ saret fi ftit minuti u f’periklu kbir, hekk kif anki kien hemm il-livell ta’ isfel mikxuf.
Spjega li fl-ewwel mumenti mindu bdiet l-operazzjoni ta’ salvataġġ ġew salvati ħames persuni.
Qal, “L-ewwel salvataggi saru f’ħin jew f’żona illi ma kinitx għadha sigura, jiġifieri persuni kif raw persuni oħrajn taħt it-tifrik, basements miftuħin, daħlu fuq il-post u fi ftit minuti salvaw l-ewwel persuni.”
Imbagħad spjega li wara segwiet l-akbar parti diffiċli tal-operazzjoni, biex isibu ż-żagħżugħ li kien maqbud taħt it-tifrik.
Qal, “Intużaw klieb, intużaw drones, intuża wkoll apparat tal-ħoss illi jpoġġuh hemmhekk, joħorġu lil kulħadd ’il barra u jipprovaw jisimgħu xi ħsejjes tal-mobile phone tiegħu li bdew iċemplu fuqu. Sfortunatament, ma tahomx ħafna, imma kellhom indikazzjoni ta’ persuna oħra li salva fuq il-post illi beda jindika l-probabbilita fejn kien dan iż-żagħżugħ.”
Spjega li l-uffiċjali tas-salvataġġ kellhom ineħħu ġebla, ġebla sabiex jippruvaw isibu lill-vittma, U li wara nġabu inġenji apposta sabiex jitwaqqa’ bini li minn ħin għall-ieħor seta’ jċedi.