Fl-aħħar jiem il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg kien fi żjara uffiċjali fil-Qatar.
Huwa kellu bosta laqgħat li matulhom ġew diskussi pjanijiet prospettivi għas-settur marittimu u dak tal-avjazzjoni.
Il-Ministru Borg beda din iż-żjara b’laqgħa uffiċjali flimkien mal-Ministru għat-Trasport u l-Komunikazzjoni tal-Qatar is-Sur Jassim Saif Ahmed Al-Sulaiti. Id-delegazzjoni Maltija ddiskutiet bosta temi, partikolarment il-kollaborazzjoni futura bejn iż-żewġ pajjiżi.
Matul din il-laqgħa, il-Ministru għat-Trasport Malti qal li l- marittimu u l-avjazzjoni huma żewġ pilastri ewlenin li jikkontribwixxu b’mod sħiħ għall-ekonomija ta’ pajjiżna u dan għaliex jgħaqqduna mal-kumplament tad-dinja; filwaqt li huma pjattaformi b’saħħithom ħafna li jattiraw bosta investimenti lejn pajjiżna.
Il-Ministru Borg saħaq li Malta għandha reputazzjoni għolja ħafna kemm fil-marittimu kif ukoll fl-avjazzjoni, u huwa dmir tal-Gvern li din ir-reputazzjoni jkompli jżommha u jkompli jara li jespandi aktar l-orizzonti ta’ dawn is-setturi. Huwa għalhekk li r-reġistri ta’ dawn iż-żewġ setturi jgawdu minn rispett internazzjonali.
F’laqgħa oħra li saret mal-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Mwani Qatar il-Kaptan Abdulla Al Khanji, id-delegazzjoni Maltija żaret il-Port ta’ Hamad. Matulha ġew diskussi l-possibbiltajiet ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam tal-immaniġġjar tal-portijiet u t-trasport marittimu.
Fid-dawl tal-ħidma fuq is-settur tal-avjazzjoni, il-Ministru Ian Borg flimkien mal-bqija tad-delegazzjoni ltaqa’ wkoll mal-Kap Eżekuttiv ta’ Qatar Airways Akbar Al Baker.
Il-Ministru għall-Infrastruttura kien mistieden ukoll sabiex iżur żewġ grawnds tal-futbol li ġew mibnija matul l-aħħar xhur fid-dawl tat-Tazza tad-Dinja li se jsiru fil-Qatar.
Il-Ministru Borg temm dawn il-laqgħat bi żjara f’The Pearl Qatar, li huwa proġett infrastrutturali kbir li jattira lejh bosta turisti.
Id-delegazzjoni Maltija kienet iffurmata mill-Ministru Ian Borg, il-Kap tas-Segretarjat Marco Micallef, id-Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili l-Kaptan Charles Pace u r-Reġistratur Ġenerali tar-Reġistru tal-Bastimenti Merkantili Ivan Sammut.
Għal-laqgħat u ż-żjarat imsemmija, id-delegazzjoni Maltija kienet akkumpanjata mis-Sur Charles Sultana, Ambaxxatur ta’ Malta għal Qatar.