Il-Ministru għall-Ġustizzja fl-Italja Carlo Nordio esprima d-diżappunt tiegħu kif akkużi ta’ korruzzjoni kontra l-Gvernatur tar-reġjun tal-Liguria, Giovanni Toti, inħarġu proprju fi żmien ta’ kampanja elettorali meta dawn inbdew tliet snin ilu.
Toti spiċċa taħt house arrest it-Tlieta stess hekk kif inħarġu akkużi ta’ korruzzjoni kontrih u numru ta’ persuni oħrajn.
Simili għall-kwistjoni, li nqalgħet f’pajjiżna bl-Inkjesta Vitals mill-Maġistrat Gabriella Vella, dan l-iżvilupp fl-investigazzjoni Taljana, li kienet inbdiet mill-Guardia di Finanza u l-uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Genoa fl-2021, qajjem dubji serji dwar iż-żmien li ntagħżel biex jinħarġu l-akkużi varji.
F’kummenti lill-ġurnalisti t-Tlieta stess, il-Ministru ewlieni fil-Gvern ta’ Giorgia Meloni, Carlo Nordio qal li “bħala avukat għad-drittijiet ta’dawk li qed jiddefendu lilhom infushom fil-qrati, dejjem naħseb dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza. Iżda, kif stajt nifhem, dan hu każ dwar fatti li jmorru lura numru ta’ snin u l-investigazzjoni ma twilditx illum, iżda żmien ilu.”
Hu kompla jisħaq li, fl-erbgħin sena li għamel jaħdem bħala prosekutur, rarament talab għal miżuri ta’ detenzjoni wara snin ta’ investigazzjoni.
“Il-perplessità tiegħi qatt ma tkun fuq il-mument li tiskatta l-miżura ta’ prekawzjoni b’relazzjoni mal-imminenza tal-elezzjonijiet, iżda jekk għandhiex perplessità teknika dwar miżura b’rispett għaż-żmien li fih seta’ twettaq ir-reat u l-bidu tal-investigazzjoni,” kompla l-Ministru għal-Ġustizzja Taljan.