Il-President il-ġdid tal-Kamra tal-Avukati, Peter Fenech, ma jara l-ebda konfiltt bejn ir-rwol tiegħu bħala Kap tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista u bħala ir-rappreżentanza tal-istess Partit mal-Awtorità tax-Xandir mal-ħatra l-ġdida tiegħu bħala l-President tal-Kamra tal-Avukati sal-2026.
Fenech qal dan f’intervista mat-Times of Malta riċentament.
Fir-rwol tiegħu bħala President tal-Kamra tal-Avukati, Fenech se jkun ukoll fuq il-Kumitat tal-Ħatriet Ġudizzjarji li jirċievi u jeżamina espressjonijiet ta’ interess minn persuni li jridu jilħqu mħallfin jew maġistrati.
Dan il-kumitat jagħmel intervisti u evalwazzjonijiet ta’ kandidati għall-karigi, biex wara jirrakkomanda lill-President ta’ Malta l-ismijiet tal-kandidati addattati.
ONE News staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, jekk jarax konflitt mar-rwol il-ġdid ta’ Fenech mal-pożizzjonijiet li jokkupa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Il-Ministru Attard qal li hu mħasseb minħabba l-fatt li Fenech jaf ikollu intervent politiku fuq il-bordijiet u l-kumitati, li l-liġi taħtru fuqhom.
“Li hemm rappreżentanza ex officio tal-Kamra tal-Avukati li issa hu okkupat minn uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, dik hi sitwazzjoni li rrid nħares lejha għax aħna nafu bħala pajjiż kemm għamilna riformi kuraġġużi biex nassiguraw, fost l-oħrajn, li ma jkunx hemm intervent politiku f’ċerti deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ġudikatura, fosthom dawk tal-ħatriet.”
Għal tlettax-il sena, l-Avukat Fenech kien sieħeb mal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil bejn l-elf disa’ mija u sebgħa u disgħin u l-elfejn u għaxra fid-ditta legali fid-ditta legali Ganado & Sammut Advocates, li taħt Gvernijiet Nazzjonalisti wkoll ingħatat b’aktar minn mitejn elf ewro f’kuntratti, anke permezz ta’ direct orders.
Fenech innifsu wkoll kien maħtur fuq diversi bordijiet taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.
Hu kien ukoll ta appoġġ qawwi lil Simon Busutill, biex jiġi elett Kap tal-Partit Nazzjonalista u kien fost dawk li pprovaw itaffu r-responsabbiltà ta’ Busuttil bħala Viċi Kap fit-telfa Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-elfejn u tlettax.