Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ipparteċipa fil-laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Commonwealth, bit-tema ‘It-tisħiħ tal-koperazzjoni internazzjonali permezz tas-saltna tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem’.
Din il-laqgħa rat qbil dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Azzjoni tal-Ministri tal-Ġustizzja, magħmul minn għaxar ministri, biex jagħtu pariri bbażati fuq strateġiji għal tisħiħ tas-saltna tad-dritt u aċċess għall-ġustizzja fost il-pajjiżi membri.
Il-parteċipazzjoni attiva f’din il-laqgħa, wasslet għall-ħatra ta’ pajjiżna f’dan il-grupp ta’ azzjoni. Malta se tkun qed isservi f’dan il-grupp għal sena, segwita mir-Renju Unit għal sena oħra.
Dawn il-laqgħat indirizzaw diversi temi fosthom id-diġitalizzazzjoni tal-qrati, il-libertà tal-espressjoni, l-irwol tal-midja u d-diversità fil-ħatriet tal-ġudikatura.
Intant, Il-Ministru Attard qal li dan huwa żvilupp importanti li jkompli jikkonferma r-reputazzjoni b’saħħitha li pajjiżna jgawdi barra minn xtutna, inkluż fis-settur tal-ġustizzja.
Dawn it-temi kienu diskussi wkoll bejn l-avukati ġenerali tal-pajjiżi tal-Commonwealth.
Pajjiżna kien irrappreżentat mill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg.