“Malta hija determinata u kommessa li tippreveni, issib u tipproċedi kontra attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus u finanzjar ta’ terroriżmu. Huwa għalhekk li ħejjejna qafas istituzzjonali biex josserva, jiġbor informazzjoni fuq, u jieħu kull azzjoni neċessarja kontra reati finanzjarji”, sostna l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt it-tnedija ta’ pjan strateġiku nazzjonali kontra l-ħasil ta’ flus u ġlieda kontra l-iffinanzjar ta’ terroriżmu (National Anti-Money Laundering and Combatting the Financing of Terrorism Strategy and Plan).
It-tnedija ta’ dan il-pjan strateġiku saret waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Mużew tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta.
Il-Ministru Scicluna qal li l-gvern jirrikonoxxi li dan il-qafas istituzzjonali jista’ jkompli jissaħħaħ biex ikun aktar effettiv. Fit-tfassil ta’ dan il-pjan l-awtoritajiet Maltin għamlu dak li jissejjaħ national risk assessment (NRA) permezz ta’ proċess kollaborattiv li kien jinvolvi lill-entitajiet ewlenin konċernati. Sar ukoll użu minn sistemi li jintużaw mill-World Bank National (ML) u kien hemm ukoll kollaborazzjoni ma’ kumpanija konsultattiva ta’ fama internazzjonali.
Il-pjan strateġiku jiffoka fuq seba’ inizjattivi li bejniethom ifissru madwar 50 azzjoni li jridu jittieħdu tul it-tliet snin li ġejjin. Il-Ministru rrimarka li Malta diġà bdiet bl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan bit-twaqqif ta’ Kumitat ta’ Kordinazzjoni Nazzjonali li jkun qed jiffunzjona kompletament din il-ġimgħa stess.
Is-seba’ inizjattivi huma: (i) twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ kordinazzjoni nazzjonali (ii) it-tisħiħ u l-ikklarifikar ta’ qafas superviżorju (iii) tkattir tal-kapaċitajiet interni fi ħdan il-Financial Intelligence Unit (iv) tkattir tal-kapaċitajiet investigattivi u ta’ prosekuzzjoni (v) twaqqif ta’ Asset Recovery Unit effettiv (vi) tiżdied it-trasparenza tal-entitajiet legali u (vii) tkompli tiżdied il-koperazzjoni internazzjonali diġà eżistenti.
Il-Ministru Scicluna enfasizza li dawn l-inizjattivi se jsaħħu l-ħidma ta’ Malta f’kull forma tagħha kontra l-ħasil ta’ flus u finanzjar ta’ terroriżmu.
“L-awtoritajiet kompetenti huma kollha preparati tajjeb u lesti biex jibdew jimplimentaw il-pjan b’mod immedjat. Ninsabu determinati li dawn l-inizjattivi starteġiċi jitwettqu sas-sena 2020 ħalli b’hekk Malta tibqa’ pajjiż sigur filwaqt li tkompli ssotni l-istabbiltà u l-integrità tal-ekonomija tagħha”, temm jgħid il-Ministru għall-Finanzi.