B’referenza għan-numru ta’ siti qarrieqa li qegħdin jinxterdu fuq il-mezzi soċjali, il-Ministeru għall-Finanzi javża lill-pubbliku sabiex jinjorahom.
Jidher li fuq l-istess mezzi qegħdin jinxterdu ‘hyperlinks’ ta’ artikli qarrieqa dwar il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, kif ukoll hemm oħrajn li malizjożament, qegħdin iħajru lill-pubbliku sabiex jinvestu flushom fi skemi qarrieqa.
Filwaqt li l-Ministeru għall-Finanzi ħa l-passi neċessarji u rrapporta dan il-każ lill-awtoritajiet konċernati, l-istess Ministeru qed jappella lill-pubbliku in ġenerali sabiex jinjora dawn it-tip ta’siti.
Intant, il-Ministeru għall-Finanzi jirrakomanda, li qabel ma persuna tasal biex tagħmel investiment finanzjarju, din għandha tivverifika jekk il-kumpanija li magħha qed tagħmel l-investiment, hijiex liċenzjata, sabiex toffri servizz ta’ investiment mar-Regolatur rispettiv.