Huwa l-Partit Laburista fil-Gvern li joffri stabilità lin-negozji u familji Maltin u Għawdxin, anki fi żmien ta’ sfidi internazzjonali.
Dan kien il-messaġġ ewlieni mill-Ministru Clyde Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet imtella’ mill-Awtorità tax-Xandir.
Hawnhekk il-Ministru Caruana qal kif Gvern Laburista mhu se jżid l-ebda taxxi ġodda, hekk kif se jkompli għaddej it-tkabbir ekonomiku minkejja l-isfidi.
Qal, “Iva, nista’ nagħti garanzija li dan il-Gvern la se jżid u lanqas se jdaħħal taxxi ġodda. Għaliex? Għax bil-pjan tagħna illi għandna, apparti li se nkunu qegħdin nilqgħu għall-isfidi li ġejjin, l-ekonomija tagħna se tkun qegħda tikber ukoll.”
Hawnhekk Clyde Caruana nnota kif il-ġid nazzjonali matul is-sena li għaddiet kien aqwa minn dak qabel bdiet il-pandemija.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet Caruana qal kif Gvern Laburista ma jistenniex l-elezzjoni biex jinvesti fin-nies.
Qal, “U għaldaqstant bħala Gvern dak li qed nagħmlu u dak illi se nkomplu nagħmlu u dan għandkom assigurazzjoni. Il-għaliex aħna ma noqogħdux nistennew l-aħħar sena tal-elezzjoni biex b’xi mod nagħtu għajnuna. Il-pensjonanti jafu, speċjalment, kif matul il-leġislatura sħiħa, fl-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames sena dejjem żiedna l-pensjonijiet u hekk se nkunu qegħdin nagħmlu. Għaliex dak li qed nagħmlu huwa marbut ma’ pjan, huwa marbut ma’ konviżjoni, huwa marbut ma’ dak li l-Partit Laburista jemmen.”
Meta mistoqsi dwar il-Covid Wage Supplement, il-Ministru Caruana għamilha ċara li dak li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista li l-ħaddiema jridu jerġgħu jagħtu l-flus lura mhijiex veru.
Tkellem ukoll dwar ir-ristrutturar fl-Air Malta fejn qal kif il-Kummissjoni Ewropea qablet mad-deċiżjoni li ttieħdet mill-Gvern Malti dwar il-linja nazzjonali tal-ajru.
Hawnhekk il-Ministru għall-Finanzi tkellem kif waqt mumenti ta’ sfida, il-Gvern qed isib bilanċ biex żgur jagħti serħan il-moħħ lill-familji Maltin u Għawdxin.
Qal, “Filwaqt li rridu nwieżnu lill-familji Maltin u Għawdxin u l-businesses, irridu naraw ukoll li anki l-finanzi tal-pajjiż f’qagħda b’saħħitha, dak li qegħdin nagħmlu u mill-figuri li qiegħed nara, mit-tkabbir ekonomiku li qiegħed nara, iva għandna biżżejjed riżorsi sabiex inkunu nistgħu nifilħu għal dawn id-daqqiet.”
Il-Ministru Clyde Caruana fakkar kif f’dawn l-aħħar sentejn il-Gvern kien ta’ spalla għan-negozju u l-ħaddiema u hekk jibqa’ jagħmel jekk jingħata l-fiduċja.
Qal, “Jekk il-gwerra ttawwal u l-Gvern ikollu bżonn li jintervjeni aktar, li diġà ma eskludejtux. Hekk hemm bżonn f’dawn iż-żminijiet għaliex jekk nittratinu, jekk naħsbu li l-effetti ma jkunux hemmhekk u nħallu kollox għal rieħu, dak ikun l-ikbar żball. Nippreferi illi nonfoq ftit aktar issa, imma dak itina ikbar tkabbir ittina aktar tkabbir ekonomiku għal quddiem u jkollna biżżejjed dħul milli nagħmel l-iżball illi għamlu pajjiżi Ewropej waqt ir-riċessjoni l-kbira illi ma intervjenewx u għamlu tmienja, disa’ snin sħaħ mingħajr tkabbir ekonomiku u spiċċaw għarkuptejhom.”