Il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, iddeskriva bħala “deċiżjoni drastika” mit-tmexxija tal-Kulleġġ Malti għall- Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, li jintroduċi l-preżenza ta’ uffiċjali tal-Pulizija fuq il-kampus tiegħu bħala miżura kontra nuqqas ta’ dixxiplina jew abbużi, li jistgħu jseħħu.
Fi stqarrija, l-MCAST qal li laħaq ftehim mal-Korp tal-Pulizija biex issaħħaħ il-miżuri tas-sigurtà fi ħdan il-Kulleġġ u lejn tmiem din is-sena skolastika se jibda jkun hemm uffiċjali bl-uniformi preżenti għal numru ta’ sigħat f’ħinijiet sporadiċi, li jkunu jistgħu anke jagħmlu tfittxijiet fuq l-istudenti jekk ikollhom xi suspetti.
Minkejja dan, f’post fuq il-midja soċjali, Dr Grima assolutament ma qabilx mad-deċiżjoni, li ttieħdet fuq livell amministrattiv.
Qal li “filwaqt li sfidi u xi inċidenti jkollok, bħalma jkollok f’kull kampus fid-dinja, ma jirriżultax li, fl-MCAST, hemm xi problemi li kienu jeħtieġu din l-azzjoni drastika.” Fl-istess ħin, stqarr li l-ambjent fuq il-kampus għandu jkun differenti ħafna minn hekk u se jkun qed jidħol personalment fiha b’mod immedjat.
Skont l-MCAST, il-preżenza tal-uffiċjali talterna bejn is-siti li għandha f’Raħal Ġdid, f’Ħal Qormi u l-Mosta, waqt li d-diretturi ta’ kull istitut għandhom jassiguraw il-provvista ta’ żona magħluqa u privata f’każi li l-uffiċjali jeħtieġu jagħmlu tfittxijiet fuq l-istudenti.