Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia ħabbar li fiż-żona tal-ponta tal-Qawra mhux se jibqa’ permess li ssir kaċċa.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, il-Ministru Farrugia ħabbar li ġie deċiż li din iż-żona, viċin ir-riżerva naturali tas-Salini, tkun amministrata mill-għaqda BirdLife, permezz ta’ ftehim li se jiġi ffirmat fiż-żmien li ġej.
Ilbieraħ fi stqarrija l-BirdLife talbet lill-awtoritajiet biex mill-ponta tal-Qawra ma ssirx kaċċa.
Dan wara li minn dik iż-żona, Miguel Zammit ta’ 23 sena, allegatament spara u qatel erba’ fjamingi, tajr protett.
B’rabta ma’ dan il-każ, Zammit li jgħix il-Gżira, baqa’ jinżamm arrestat wara li ċaħad l-akkużi.
Il-qtil tal-fjamingi ġab ukoll il-kundanna tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK.