Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela tkellem favur il-koperazzjoni multilaterali, u saħaq li jeħtieġ li l-isfidi li għandha quddiemha l-komunità globali jibqgħu jiġu indirizzati permezz tal-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi u r-reġjuni fil-kuntest ta’ forma multilaterali internazzjonali.
Huwa kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet li għamlulu l-ġurnalisti mal-wasla tiegħu għal-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fi Brussell nhar it-Tnejn, is-16 ta’ Lulju 2018, dwar id-dikjarazzjoni tal-President Amerikan Donald Trump li l-UE hija wieħed mill-għedewwa ta’ pajjiżu. “Ma narax għedewwa; nara biss kollaboraturi”, qal il-Ministru.
Fil-quċċata tal-aġenda tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin kien hemm il-qagħda fil-Libja, b’enfasi partikulari fuq il-proċess politiku, partikolarment l-elezzjonijiet li ġejjin. Il-ministri affermaw mill-ġdid l-appoġġ tal-UE għall-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda għal-Libja, Ghassan Salamé.
“Malta tibqa’ tappoġġja bis-sħiħ il-faċilitazzjoni xprunata min-Nazzjonijiet Magħquda fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda għal-Libja”, qal il-Ministru Abela lil sħabu l-ministri. “Il-punt ta’ riferiment li fuqu jħoll u jorbot kollox jibqa’ l-impenn totali kemm tal-Libjani kif ukoll tal-komunità internazzjonali favur il-proċess politiku u kontra soluzzjonijiet militari. Il-Konferenza ta’ Pariġi ta’ dan l-aħħar kienet unika fis-sens li wittiet it-triq biex il-partijiet kollha involuti jaqblu dwar pjan direzzjonali komuni. Dan huwa xenarju li jitfa’ r-responsabbiltà kemm fuq il-Libjani kif ukoll fuq il-parteċipanti internazzjonali biex jaġixxu fuq il-bażi tal-konklużjonijiet li ħarġu waqt din il-konferenza.”
Filwaqt li rrimarka li l-enfasi issa dar fuq it-tir li jsiru l-elezzjonijiet sa tmiem is-sena, il-Ministru Abela qal li Malta temmen li elezzjonijiet inklużivi, ħielsa, u ġusti għandhom isiru ġaladarba jkun ġie stabbilit il-qafas legali meħtieġ. Dan jiggarantixi li l-eżitu tal-elezzjoni jkun aċettabbli għal-Libjani kollha, u b’hekk tiġi ffissata bażi b’saħħitha għall-ġejjieni. Il-Ministru esprima wkoll l-appoġġ ta’ Malta għall-ftuħ mill-ġdid tal-uffiċċju tad-Delegazzjoni tal-UE fi Tripli.
Punt ieħor li ġie diskuss waqt il-laqgħa kienet is-sħubija tal-Lvant tal-UE, bi tħejjija għal-laqgħa ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant li hija maħsuba għal Ottubru. Il-ministri ddiskutew ukoll dwar it-twettiq tal-20 riżultat għall-2020, qafas li jimmira għal ekonomija, governanza, konnettività u soċjetà aktar b’saħħithom f’sitt pajjiżi sħab tal-Lvant: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Ġorġja, ir-Repubblika tal-Moldova, u l-Ukrajna. Il-ministri taw ħarsa wkoll lejn is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK), il-ftehim mal-Iran dwar il-qasam nukleari, u l-Balkani tal-Punent.
Il-Ministru Abela kien akkumpanjat minn Marlene Bonnici, qabel ma temmet il-mandat tagħha bħala r-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea