Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana attendiet konferenza fejn ġiet diskussa l-vjolenza domestika fis-soċjetà tagħna. Għal din l-attività kien hemm preżenti studenti mill-Iskola għall-Istudji Avvanzati Sir Michelangelo Refalo t’Għawdex. Il-konferenza tat l-opportunità li titqajjem aktar kuxjenza dwar ċirkostanzi li ħafna nies jgħixu fihom ta’ kuljum.
Il-Ministru nnutat kif ħafna persuni, fosthom adoloxxenti u tfal, kultant iħossuhom impotenti u jkunu jridu jaġixxu imma ma jkunux jistgħu. Hija rreferiet għal gender-based violence u spjegat kif din it-tip ta’ vjolenza tista’ twassal għal problemi relatati mas-saħħa mentali, esklużjoni, u faqar.
Il-Ministru Caruana saħqet li l-vjolenza qatt mhi aċċettabbli u ħeġġet lil kull wieħed u waħda mill-istudenti preżenti biex jibnu l-ħiliet neċessarji biex jidentifikaw ċirkostanzi ta’ abbuż anke fi stadju bikri ta’ relazzjoni u b’hekk ikunu jistgħu jipproteġu lilhom infushom u lil ħaddieħor.
Apparti din il-konferenza l-Ministeru għal Għawdex ikkordina attività mal-istudenti tal-MCAST biex permezz ta’ slogans ngħaddu messaġġ kontra l-vjolenza domestika u abbuż.