Wara ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u TCTC, it-tfal Għawdxin se jibbenefikaw minn esperjenza unika ta’ tagħlim dwar ir-robotika grazzi għal kors offrut mill-kumpanija msemmija.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li daqs sena ilu kienu diġà bdew id-diskussjonijiet ma’ TCTC dwar dan il-kors, u sforz l-importanza tas-suġġett, il-Ministeru ddeċieda li jħallas il-kors kollu biex it-tfal li jattendu ma jħallsu xejn.
Ir-robotika mhux biss hi l-futur iżda wkoll il-preżent għax qed ikollna fis-suq ħafna apparat li jgħin fil-ħajja ta’ kuljum, spjegat il-Ministru. It-teknoloġija b’livell għoli u speċjalizzat hi settur li rridu nippreparaw għalih biex Għawdex jiġi proġettat bħala hub għal din it-tip ta’ attività.
“Għalhekk hu essenzjali li ninkoraġġixxu lit-tfal tagħna biex sa minn ċkunithom joqorbu lejn dawn is-setturi permezz ta’ korsijiet li jitmexxew b’mod interattiv. Bħala Ministru ħassejt li kellu jsir dan l-investiment f’dan il-kors biex nibdew mexjin f’din it-triq. Hu inkoraġġanti li aktar minn mitejn tifel u tifla diġà kkonkorrew għal dan il-kors”, kompliet tgħid il-Ministru Caruana.
Justyne Caruana saħqet li l-Gvern irid jinvesti fir-riżors uman, għalhekk hemm ħtieġa ta’ inizjattivi bħal dawn immirati lejn it-tfal, filwaqt li fakkret li din il-ġimgħa kien hemm ukoll applikazzjonijiet għal esperjenza ta’ xogħol għaż-żgħażagħ li laħħqu l-400 applikazzjoni. “B’dawn iż-żewġ inizjattivi biss f’temp ta’ ftit ġranet intlaqtu pożittivament madwar 600 persuna fil-bidu tal-ħajja tagħhom, li għalihom dan is-sajf se jgħin biex jakkwistaw tagħlim u esperjenza siewja”, qalet il-Ministru.
Justyne Caruana kkonkludiet li b’dan l-investiment fiż-żgħażagħ u fit-tfal, il-Ministeru għal Għawdex qed jibni sisien sodi għal ekonomija ġenerali aktar b’saħħitha permezz ta’ riżors uman imħejji aħjar għad-dinja tax-xogħol, anke fid-dawl ta’ proġetti oħra maħsuba għall-gżira Għawdxija fis-snin li ġejjin.