Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, flimkien mas-Segretarju Permanenti kif ukoll mad-Direttur u uffiċjali għolja oħrajn tal-Ministeru għal Għawdex, żaret l-uffiċini u faċilitajiet fil-port tal-Imġarr, fosthom il-Gozo Channel Terminal, l-Għassa tal-Pulizija u l-uffiċini tas-servizzi agrikoli u tas-sajd.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-port tal-Imġarr huwa żona strateġika u allura ta’ importanza, kemm mill-aspett estetiku kif ukoll mill-aspett ta’ servizzi li jipprovdi. Waqt iż-żjara fil-fatt sar eżerċizzju biex jiġu identifikati xogħlijiet li jridu jsiru għal ambjenti u servizzi aħjar, inkluż biex il-ħaddiema jkunu jistgħu joperaw b’iktar kumdità. Il-Ministru għal Għawdex fakkret kif fil-manifest elettorali hemm proposti importanti ħafna, fosthom uffiċċju għas-sajjieda, faċilitajiet għall-bdiewa, immodernizzar tal-faċilitajiet tal-yacth marina u tisħiħ tal-Gozo Channel. Fil-fatt il-Ministeru għal Għawdex diġà beda l-ippjanar għalihom u wħud minnhom diġà ġew indikati għas-sena d-dieħla, fosthom l-uffiċċju tas-sajjieda u depot għall-bdiewa.
F’din iż-żjara l-Ministru Caruana ltaqgħet u tkellmet mal-ħaddiema, mas-sajjieda u mal-operaturi turistiċi u stednithom iressqu s-suġġerimenti tagħhom.
Biswit il-port tal-Imġarr kien ankrat ukoll il-cruiseliner Club Med 2, u għal żjarat bħal dawn il-Ministeru għal Għawdex joffri servizz li jagħti merħba lill-passiġġieri flimkien ma’ materjal informattiv u tifkira taż-żjara tagħhom f’Għawdex.
“Il-mod kif nilqgħu lil min iżur dan il-port għandu jkun mudell tal-ospitalità tradizzjonali tal-Għawdxin u appuntu għalhekk li rridu naħdmu flimkien f’ambjent aħjar għall-ħaddiema u nfittxu li ntejbu dejjem is-servizzi li noffru. Irridu niżguraw li fil-wasla u t-tluq ta’ kull min iżurna, l-esperjenza ta’ Għawdex tkun xierqa u aktar organizzata,” appellat il-Ministru Justyne Caruana.
Ritratt: MGOZ