“It-turiżmu huwa pilastru ewlieni tal-ekonomija f’Għawdex u kien għalhekk li għarafna l-potenzjal ta’ Għawdex u li qed jiġi branded bħala destinazzjoni unika u distinta fejn il-Ministeru għal Għawdex qed jinvesti biex ikollna attrazzjonijiet matul is-sena kollha. Għalhekk irnexxielna ngħelbu l-isfida tal-istaġjonalità biex nimxu lejn turiżmu iktar sostenibbli u kwalitattiv.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fl-intervent tagħha f’sessjoni dwar it-turiżmu u l-wirt kulturali li kienet mistiedna tgħaddi waqt l-Economic Forum li sar f’ Kyrnica fil-Polonja. Dan il-forum, li hu avveniment annwali, jattendu għalih ’il fuq minn 4,500 persuna li ġejjin mill-qasam politiku u tan-negozju minn madwar l-Ewropa, l-Asja u l-Lvant Nofsani.
Il-Ministru Caruana spjegat kif permezz ta’ diversi inizjattivi, li qed jaħdem fuqhom il-Ministeru għal Għawdex, qed jassigura li l-wirt kulturali, fid-diversi forom tiegħu, jiġi priservat, rikonxxut u mwassal lill-ġenerazzjonijiet futuri. Filwaqt li elenkat xi proġetti ta’ restawr u konservazzjoni u kif qed nivvalorizzaw il-lokalitajiet u l-prodott lokali. Il-Ministru għal Għawdex innotat li għalkemm il-Ministeru qed jinvesti f’dawn l-aspetti, l-ikbar investiment għandu jkun fuq il-persuni li direttament jew indirettament jaħdmu fl-industrija turistika f’Għawdex, liema industrija toffri impjieg lil madwar 30% tal-ħaddiema u tikkontribwixxi sa 50% tal-Prodott Dometiku Gross tal-gżira Għawdxija.
Waqt dan il-forum il-Ministru Justyne Caruana kellha laqgħa bilaterali mal-Viċi Ministru tat-Turiżmu u Sports tal-Polonja Anna Krupka kif ukoll ma’ diversi operaturi u investituri li kienu qed jipparteċipaw għal dan il-forum.