Delegazzjoni mill-Gozo Football Association komposta mill-President Dr Samuel Azzopardi, Tony Grech Segretarju Ġenerali u George Cini Teżorier tal-istess Assoċjazzjoni ltaqgħet mal-Ministru għal Għawdex l-Onor. Clint Camilleri fejn ġew diskussi proposti u għajnuna li l-istess Ministeru għal Għawdex jista’ joffri sabiex il-logħba tal-futbol f’Għawdex tkompli tikber. Ġew diskussi l-isfidi li qed jaffaċċjaw l-Klabbs Għawdxin fil-mument u kif jistgħu jissaħħu għal ġejjini aħjar.
Fost l-affarijiet diskussi l-President tal-Assoċjazzjoni semma l-bżonn kbir ta’ sub station tad-dawl għall-Gozo Stadium sabiex il-problema relatata ma’ provvista ta’ dawl tiġi megħluba darba għal dejjem kif ukoll possibilta ta’ sħubija tal-Ministeru għal Għawdex fil-proġett tal-live streaming tal-logħbiet tal-BOV Gozo Football League illi kien tant ta’ suċċess minn meta beda. Dr Samuel Azzopardi tenna li dan jista’ jservi ukoll bħala mezz ta’ dħul addizzjonali għall-klabbs membri illli hemm bżonn li jiġu sostnuti b’kull mezz possibli.
Il-Ministru għal Għawdex esprima sodisfazzjoni lejn il-ħidma tal-Gozo Football Association kif ukoll il-klabbs membri tagħha. L-Onorevoli Clint Camilleri wera interess fil-proġetti proposti u wiegħed is-sostenn tiegħu għal dawn il-proġetti.