Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George W. Vella għada filgħodu se jħalli Malta għal Vjenna biex jattendi laqgħa li fiha se jkun diskuss il-futur tal-Libja. Din il-laqgħa se tkun organizzata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Taljan Paolo Gentiloni u s-Segretarju tal-Istat Amerikan John F. Kerry.
Fost il-Ministri li mistennija jattendu l-laqgħa hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Federazzjoni Russa Sergey Lavrov, dak tal-Ġermanja Frank Walter Steinmeier, ta’ Franza Jean-Marc Ayrault, u s-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barrnin tar-Renju Unit Philip Hammond. Se jattendu wkoll diversi Ministri minn pajjiżi Mediterranji u tal-Afrika ta’ Fuq, fosthom Spanja, l-Eġittu, l-Alġerija, it-Tuneżija u l-Marokk.
Minn Vjenna l-Ministru Vella se jibqa’ sejjer Sofija, fil-Bulgarija, fejn jattendi laqgħa tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li se jiddiskuti s-Sigurtà Demokratika għall-Ewropa f’perjodu ta’ sfidi. Il-Ministru se jindirizza l-Kumitat tal-Ministri u se jkun ukoll co-speaker prinċipali f’diskussjoni dwar il-migrazzjoni.