Sa nhar it-Tnejn mistennija jitħabbru aktar tnaqqis f’restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-Coronavirus f’pajjiżna.Ħabbret dan il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli l-Ġimgħa filgħodu waqt webinar, fejn qalet li dan is-sajf Malta se jkollha sajf b’turiżmu hekk kif gradwalment ser jibdew jinfetħu diversi setturi fl-ekonomija, fosthom ristoranti u lukandi.
Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li l-ewwel magna li se tkun qed tinxtegħel f’dawn iż-żminijiet hi dik ta’ turiżmu intern bejn il-Maltin u l-Għawdxin.
Hija qalet: “Ħabbarna kif se jkun hemm Sajf fis-settur turistiku hekk kif fis-sigħat li ġejjin sa nhar it-Tnejn li ġej, il-Prim Ministru dawk il-kategoriji oħra fl-eknomija li se jkunu f’pożizzjoni li jistgħu jiftħu. Inħarsu l-quddiem kif immedjatament jitħabbru dawn il-listi flimkien mal-istakeholders tagħna, aħna se nkunu qed nippublikaw protokolli ċari ta’ kif wieħed se jkun qed jopera biex ikun jista’ jilħaq u jattrezza ruħu qabel jiftaħ għall-pubbliku.”
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet wkoll li skatta mekkaniżmu bilaterali ma’ disa’ pajjiżi, il-Lussemburgu, in-Norveġja, is-Serbja, l-Islovakkja, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja u l-Iżrael biex jiġu diskussi r-realtajiet tal-ivvjaġġar u jiġu esplorati l-possbilitajiet li jkun hemm vjaġġi siguri lejn dawn il-pajjiżi..
Farrugia Portelli spjegat ukoll li madwar disgħa u disgħin elf impjieg f’dan is-settur diġà ġew salvati u mal-għoxrin elf ruħ fit-turiżmu jieħdu l-għajnuna supplimentari tal-Covid.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA Tony Zahra wera s-sodisfazzjon għal dawn l-aħħar żviluppi u qal li s-settur tat-Turiżmu f’Malta se jerġa jibda jara d-dawl.
Hu spjega: “Issa nistgħu nibdew naraw id-dawl at the end of the tunnel. Jidher li nistgħu ngħidu li se jkun hemm is-sajf din is-sena fejn tidħol l-industrija. Żgur li mhux se jkun is-sajf tas-sena li għaddiet imma se nibdew bis-sajf.”
Min-naħa tiegħu b’referenza għall-investiment ta’ €5 miljun f’taħriġ lir-riżors uman fil-qasam tat-turiżmu, biex b’hekk il-prodott turistiku lokali jkun aktar kompetittiv u b’saħħtu wara l-pandemija, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Johann Buttigieg qal li din l-iskema nħatfet fi ftit jiem.
Hu sostna: “Rajna li l-ħames miljun ewro li attwalment iffukajna għal dan it-training li kien hemm bżonn ittieħed f’inqas minn erbat ijiem u allura qegħdin naraw kemm is-settur tat-turiżmu qed jirrispondi għal dak li qegħdin nipprovdu għalihom.”
Għall-Webinar attendew b’mod virtwali madwar 1,500 parteċipant mis-settur tat-turiżmu.
F’dan il-Webinar ħareġ kif l-istrateġija tal-Gvern Malti din il-ġimgħa ngħatat ċertifikat b’saħħtu mill-Għaqda Dinjija għat-Turiżmu fi ħdan il-Ġnus Magħquda. Dan hekk kif kien imfaħħar il-mod inkredibbli kif il-Gvern Malti mexa fit-turiżmu f’din il-kriżi globali.