Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo pparteċipa f’laqgħa mal-ministri għall-affarijiet barranin tal-10 destinazzjonijiet l-aktar popolari ma’ turisti Ġermaniżi. Għal din il-laqgħa, organizzata mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż Heiko Maas, apparti l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-presidenza attwali tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE (il-Kroazja), ipparteċipaw ukoll il-ministri ta’ Spanja, il-Portugall, l-Italja, Ċipru, il-Greċja, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Bulgarija, l-Awstrija u Malta.
Matul din il-laqgħa l-ministri ddiskutew l-importanza tal-industrija tat-turiżmu għall-ekonomiji nazzjonali u tal-UE, il-bżonn ta’ koordinament bejn l-istati membri u kampanji ta’ komunikazzjoni li jindikaw b’mod ċar il-kontrolli fid-diversi reġjuni u partijiet tal-UE. F’din id-diskussjoni spikka l-bżonn ta’ protokolli ċari li jiggarantixxu standards għoljin ta’ iġene, inkluż f’setturi bħall-avjazzjoni. Bosta ministri saħqu wkoll il-bżonn li t-tneħħija ta’ miżuri restrittivi li kienu tant importanti biex jikkontrollaw l-imxija tal-COVID-19 għandha tkun ibbażata fuq data epidemoloġika u ssir b’mod gradwali. Dan biex jiġi assigurat li l-impatt ta’ kull miżura jkun imkejjel qabel jitneħħew restrizzjonijiet oħra.
Fl-intervent tiegħu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal li għal Malta s-settur tat-turiżmu hu importanti ħafna u jitqies bħala wieħed mill-pilastri tal-ekonomija Maltija. F’dan il-kuntest qal li l-Gvern se jkun prudenti f’kull pass li jagħmel u jimxi dejjem skont il-gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa biex meta jitnaqqsu l-miżuri restrittivi, tiġi assigurta s-saħħa tat-turisti u fuq kollox, tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.