F’laqgħa li kellu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Eġizzjan, enfasizza għal darb’oħra l-importanza tal-għaqda fil-Libja.
Il-laqgħa bilaterali mal-Ministru Sameh Hassan Shoukry saret fi Brussell hekk kif iltaqa’ l-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin. Il-Ministru Bartolo spjega li Malta hija favur Libja magħquda mmexxija mil-Libjani stess għall-benefiċċju ta’ poplu sħiħ, u semma wkoll il-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali.
Il-Ministru Bartolo sostna: “Erġajna tkellimna fuq il-bżonn li l-Libja terġa’ tingħaqad u l-Libjani jerġa’ jkollhom kontroll tat-tmexxija tal-pajjiż u jaħdmu għall-ġid komuni. Hemm bżonn issa li wara dax-xhur kollha, jibdew jieħdu ħsieb il-Libjani stess biex jaraw li jsolvu l-problemi li issa ilhom jitwalu, u li minħabba fihom il-Libjani qed ibatu ħafna, għaliex akatr ma jgħaddi żmien u aktar ma jdumu ma jsolvu l-problemi tal-ħajja ta’ kuljum bħall-prezzijiet tal-ikel, il-problema aktar se ssir serja.”
Il-Kunsill tal-Ministri ddiskuta wkoll il-politika ġeografika ta’ teknoloġiji ġodda, bil-Ministru Bartolo jgħid li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea taħdem għal irwol prominenti f’dan l-aspett. Hawn saħaq ukoll dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea tkun kredibbli u tassigura li l-iżvilupp fit-teknoloġija jiffoka fuq il-bżonnijiet tal-umanità.
Fil-fatt il-Ministru Bartolo temm jgħid li hemm bżonn jinstab bilanċ bejn id-drittijiet mal-bqija tad-dinja l-għajnuna li għandhom jingħataw kumpaniji fl-Ewropa stess li jipprovdu talent għall-benefiċċju tal-istati membri kollha. B’hekk, qal il-Ministru, ikun żgurat ukoll li kumpaniji li għadhom qed jibdew ikollhom aċċess tajjeb għas-suq.