Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo llum ħa sehem fis-Summit tal-Mexxejja, hekk kif qed jitfakkar l-20 Anniversarju mill-bidu tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Is-summit virtwali, li qed isir fuq medda ta’ 26 siegħa bejn illum u għada, fih qed jieħdu sehem numru ta’ kelliema minn oqsma differenti fosthom fis-settur tan-negozju, mill-gvernijiet, min-Nazzjonijiet Magħquda, mis-soċjetà ċivili u mis-settur akkademiku. Huma ddiskutew l-isfidi globali kif ukoll biex jaqsmu soluzzjonijiet għall-diversi sfidi li ħalla l-impatt tal-imxija tal-Coronavirus
Il-Ministru Bartolo sostna li għandu jkun hemm reazzjoni multilaterali b’saħħitha u kkordinata, mibnija fuq is-solidarjetà li hija kruċjali biex tiġi indirizzata din il-pandemija globali. Huwa żied li dawn l-isfidi globali jeħtieġu soluzzjonijiet globali f’dinja magħquda.
Il-Ministru Bartolo saħaq li ċ-ċirkostanzi preżenti jfakkruna li għandu jkun hemm implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, kif ukoll tal-Ftehim ta’ Pariġi u tal-Ftehim ta’ Addis Ababa għaliex dawn huma t-triq tal-irkupru.
Il-Ministru semma wkoll l-approċċ proattiv ta’ Malta fuq kwistjonijiet differenti fil-livell globali, b’mod partikolari l-ħatra ta’ pajjiżna bħala ko-president tal-Kumitat ta’ Tmexxija dwar is-Sħubijiet għal Stati Gżejjer Żgħar li qed jiżviluppaw.
Huwa qal li r-reżiljenza ta’ pajjiż ma tiddependix mill-kobor tal-pajjiż, iżda din ir-reżiljenza tissarraf f’opportunitajiet bla preċedent għal aktar tkabbir u prosperità.