Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija Ahmed Aboul Gheit. Dan waqt żjara li l-Ministru Bartolo qed jagħmel fl-Eġittu.
Matul din il-laqgħa ż-żewġ naħat qablu li għandu jissaħħaħ l-uffiċċju tal-Lega Għarbija li jinsab f’Malta. Dan sabiex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn Malta, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Għarab.
Il-Ministru Bartolo nnota kif storikament, Malta dejjem kienet attiva fl-irwol tagħha bħala pont ta’ djalogu bejn l-Istati Għarab u l-Ewropa. Dan bil-għan li tirrenja l-paċi u l-istabbiltà fil-Mediterran li jgħaqqad iż-żewġ naħat.
Huwa saħaq li għal dan il-għan Malta se tkompli taqdi dan l-irwol u taħdem favur aktar djalogu, li l-Ministru Bartolo ddeskrivieh bħala ċ-ċavetta għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet u ż-żamma tal-paċi. Dan b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti fil-Lvant tal-Mediterran.
L-Onor. Bartolo tenna l-appell ta’ Malta lill-partijiet kollha biex jagħmlu pass lura u jirrikorru għad-djalogu.
Iż-żewġ partijiet tkellmu ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u qablu li għandhom ikunu l-Libjani stess li jfasslu l-futur tagħhom f’Libja magħquda.
B’referenza għal-Lvant Nofsani, partikolarment ir-relazzjonijiet bejn l-Iżrael u l-Palestina, iż-żewġ naħat qablu illi s-soluzzjoni tibqa’ dik ta’ żewġ stati.
Ritratt: MFEA