Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu telefonata mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Libja Najla Manghoush. Iż-żewġ Ministri qalu li jridu jaħdmu flimkien għall-ġid tal-poplu Libjan u tal-poplu Malti.
Huma tkellmu favur it-tisħiħ tal-paċi fil-Libja sabiex fl-aħħar il-poplu Libjan jibda jirkupra mit-tbatija li ġarrab matul snin twal ta’ gwerra fejn il-qgħad żdied, il-prezzijiet għolew, is-servizzi tad-dawl u tal-ilma tħarbtu u miljun familja ħallew djarhom minħabba l-gwerra.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Bartolo stqarr li Malta se tkompli taħdem biex il-Libja tkun pajjiż magħqud, u f’idejn il-Libjani, għall-ġid tal-poplu kollu.
Huwa żied tenna li Malta se taħdem ukoll fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex tagħti lil-Libja l-għajnuna meħtieġa għall-iżvilupp tagħha u t-taħriġ għall-ħolqien tax-xogħol u tal-ġid, u biex il-Libja tibni istituzzjonijiet statali reżiljenti flimkien mas-servizzi tas-saħħa pubblika u l-edukazzjoni.
Iż-żewġ Ministri qablu li jiltaqgħu fi Tripli fiż-żmien li ġej biex ifasslu u jwettqu ħidma flimkien għall-ġid ta’ Malta, il-Libja u tal-pajjiżi ġirien fil-Mediterran, fl-Ewropa u fl-Afrika.