Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu laqgħa virtwali mal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti Michelle Bachelet Jeria.
Matul din il-laqgħa ġew diskussi għadd ta’ temi importanti fosthom il-migrazzjoni irregolari u l-ħtieġa ta’ solidarjetà biex Malta ma tibqax terfa’ l-piż sproporzjonat li qed terfa’.
Il-Ministru Bartolo u l-Kummissarju Bachelet Jeria għoli qablu fuq il-bżonn li fuq kollox, jiġu indirizzati l-għeruq ta’ din l-isfida għaliex fin-nuqqas ta’ dan, din se tkompli tippersisti.
F’dan ir-rigward, il-Ministru Bartolo saħaq li ma jingħatawx pjattaforma ugwali u patti ġusti biex joħolqu l-ġid u l-impjiegi permezz tal-kummerċ u l-investiment, il-migranti se jibqgħu jitilqu mill-pajjiżi tal-oriġinu tagħhom u jfittxu ħajja aħjar f’pajjiżi oħra.
B’referenza għas-sitwazzjoni fil-Libja, il-Ministru Bartolo sostna li Malta se tkompli taħdem favur ir-rikonoxximent tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati fil-Libja.
Huma tkellmu ukoll dwar ir-riformi li qed isaħħu s-saltna tad-dritt u l-libertà tal-istampa f’Malta. Il-Ministru Bartolo tenna l-impenn tal-Gvern ta’ Malta li jkompli jaħdem u jimplimenta l-programm ta’ riformi istituzzjonali, favur sistema u kultura ta’ infurzar tal-liġi bla biża’ jew favuri.
Matul il-laqgħa, il-Ministru Bartolo kien akkumpanjat mir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti Christopher Galea.
Ritratti: MFEA