Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu laqgħa virtwali mal-Aġent Assistent Segretarju tal-Affarijiet Ewropej u Ewroasjatiċi fi ħdan id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerika, Philip T. Reeker.
F’din il-laqgħa kienet enfasizzata l-qrubija bejn Malta u l-Istati Uniti murija fost l-oħrajn fil-kollaborazzjoni mill-viċin f’oqsma relatati mas-saltna tad-dritt.
Iż-żewġ naħat qablu li jkomplu jsaħħu dejjem iktar il-koperazzjoni b’saħħitha bejniethom f’oqsma differenti inkluż fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. F’dan ir-rigward, saret referenza għas-serje ta’ laqgħat li Malta organizzat f’April 2021 bit-titlu ‘The Malta Workshops’, li ttrattaw firxa ta’ suġġetti importanti u prominenti, inklużi dawk imsemmija u r-riskji assoċjati ma’ individwi ta’ valur nett għoli u l-evażjoni ta’ sanzjonijiet.
Is-Segretarju Reeker faħħar l-inizjattiva ta’ Malta li kellha medja ta’ 500 parteċipant kuljum, b’aktar minn 2,500 uffiċjali tal-Gvern minn 65 pajjiż u territorji u rappreżentanti ta’ awtoritajiet u ċentri finanzjarji internazzjonali involuti u esprima l-appoġġ sħiħ tal-Istati Uniti lejn din l-inizjattiva.
Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll kwistjonijiet reġjonali inkluż l-istabbiltà fil-Mediterran, sfidi relatati mal-migrazzjoni irregolari kif ukoll is-sitwazzjoni fil-Libja.
Il-Ministru Bartolo tenna li Malta se tkompli taħdem flimkien ma’ msieħba barranin lejn l-istabbiltà u l-paċi fil-Libja, u biex tindirizza l-bżonnijiet taċ-ċittadini Libjani li ilhom isofru. Huwa tenna l-appoġġ sħiħ ta’ Malta għall-proċess tranżitorju u tenna l-impenn ta’ Malta għal Libja magħquda f’idejn il-Libjani.
Ritratt (MFEA)