Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu laqgħa virtwali mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tar-Relazzjonijiet Internazzjonali u l-Kooperazzjoni tar-Repubblika tan-Namibja, Netumbo Nandi-Ndaitwa.
Netumbo Nandi-Ndaitwa affermat l-apprezzament tal-Gvern tagħha għad-donazzjoni riċenti ta’ Malta ta’ provvisti tal-ikel lin-Namibja, liema donazzjoni ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-poplu tal-istess pajjiż.
Il-Ministri fakkru r-rabtiet politiċi u edukattivi bejn iż-żewġ pajjiżi, mill-indipendenza tar-Repubblika tan-Namibja fl-1992. F’dan il-kuntest, huma enfasizzaw il-prospetti eċċellenti għall-kummerċ bejn Malta u n-Namibja, u nnutaw li ‘l fuq minn 70 kumpanija Maltija pparteċipaw f’webinar bit-tema ‘Doing Business with Namibia’ li kien ikkoordinat minn Trade Malta f’Lulju li għadda.
Sussegwentement, numru ta’ kumpaniji Maltin esprimew interess li jesploraw opportunitajiet għall-kummerċ u investiment fin-Namibja, partikolarment fl-ekonomija blu u fis-settur edukattiv.
Il-Ministri tennew l-impenn tagħhom għal aktar taħdidiet biex jiżguraw li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jiffjorixxu għat-tisħiħ tal-kummerċ u l-iżvilupp.
F’din il-laqgħa, il-Ministru Bartolo kien akkumpanjat mir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Afrikana Ronald Micallef.