Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu laqgħa virtwali mal-Ministru għall-Viċinat Ewropew u l-Kontinent Amerikan tar-Renju Unit Wendy Morton.
Matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat tkellmu fuq diversi temi ta’ importanza bilaterali, fosthom ir-relazzjoni bejn Malta u r-Renju Unit wara Brexit. F’dan ir-rigward, il-Ministru Bartolo ġedded l-impenn ta’ Malta favur iż-żamma tal-aqwa relazzjonijiet possibbli mar-Renju Unit, kemm fil-fora Ewropej kif ukoll lil hinn.
F’dan il-kuntest, il-Ministri tkellmu dwar is-sitwazzjoni tal-espatrijati li qed jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw f’Malta jew fir-Renju Unit, u ftehmu li jkomplu jikkoperaw biex flimkien iħarsu l-aqwa interessi taċ-ċittadini tagħhom.
Fi sttqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej intqal li ż-żewġ naħat qablu wkoll li jkomplu jibnu fuq il-koperazzjoni b’saħħitha li għandhom iż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Bl-istess mod, impenjaw li jkomplu jaħdmu flimkien biex isaħħu l-libertà tal-istampa, bil-Ministru Bartolo jinforma lill-Ministru Morton li Malta se tingħaqad formalment mal-Koalizzjoni tal-Libertà tal-Midja.
B’referenza għall-pandemija Covid-19, iż-żewġ naħat ftehmu li jkomplu jikkoperaw biex jingħelbu l-isfidi miġjuba magħha, sew mill-aspett mediku kif ukoll dak ekonomiku. F’dan ir-rigward, il-Ministri tkellmu wkoll dwar il-possibbiltà li ż-żewġ pajjiżi jikkollaboraw u jesploraw opportunitajiet u niċeċ ġodda ta’ kummerċ, partikolarment fl-Afrika.