Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo temm żjara uffiċjali fis-Saltna tal-Oman fejn kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Badr Albusaidi.
It-taħditiet bejn iż-żewġ Ministri ffukaw fuq oqsma fejn tista’ ssir koperazzjoni b’saħħitha bbażata fuq ir-relazzjoni eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministri identifikaw tliet prijoritajiet bħala bażi ta’ ħidma għax-xhur li ġejjin. Dawn huma l-qasam tal-akwakultura, u dan fid-dawl tan-natura marittima taż-żewġ pajjiżi, fil-qasam tal-farmaċewtika, sew fl-aspett regolatorju kif ukoll fl-aspett tal-kwalità tal-mediċini, kif ukoll fil-qasam tat-turiżmu.
Huma qablu wkoll li jikkoperaw fl-oqsma tal-edukazzjoni, b’enfasi fuq it-tagħlim applikat u l-eduzzjoni vokazzjonali, u fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, fejn qablu li jaħdmu flimkien biex isaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-kriminalità organizzata.
Dan filwaqt li ż-żewġ naħat mistennija jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar it-tassazzjoni doppja, l-investiment reċiproku u s-servizzi tat-trasport u tal-ajru.
Matul il-laqgħa bilaterali, il-ministri tkellmu wkoll dwar il-politika barranija taż-żewġ pajjiżi li hija msejsa fuq l-istess prinċipji. Proprju n-newtralità, it-tifttix tal-paċi man-nazzjonijiet kollha tad-dinja, l-onestà u t-trasparenza fir-relazzjonijiet bilaterali, it-tolleranza lejn reliġjonijiet u fehmiet diversi, il-promozzjoni tad-djalogu u kontra l-użu tal-forza, l-impenn li ma jintużawx minn pajjiżi oħra kontra l-avversarji tagħhom, u li jużaw pajjiżhom bħala għodda ta’ rikonċiljazzjoni.
F’dan il-kuntest, iż-żewġ naħat ftehmu li jkomplu jsaħħu r-relazzjoni bejniethom u li jappoġġaw lil xulxin fil-fora internazzjonali.
Il-Ministri nnutaw ukoll l-iżviluppi fir-reġjun tal-Golf u fil-Libja u awguraw li dawn jissarrfu f’paċi dejjiema u prosperità għall-popli kollha.
Waqt iż-żjara uffiċjali fis-Saltna tal-Oman, il-Minsitru Bartolo kellu wkoll laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija u mal-Awtorità tal-Investiment tal-Oman bil-għan li jintlaħqu l-miri maqbula bejn iż-żewġ Ministri.
Ritratti: MFEA