Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo, qiegħed fuq żjara uffiċjali f’Madrid li matulha ltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Unjoni Ewropea u l-Kooperazzjoni ta’ Spanja Arancha González Laya. Din hija l-ewwel żjara uffiċjali fi Spanja minn ministru għall-affarijiet barranin Malti fi kważi għaxar snin.
Iż-żewġ ministri ddiskutew oqsma ta’ interess komuni, inkluż is-sitwazzjoni fil-Mediterran, b’aċċenn għal-Libja, il-migrazzjoni, u r-reġjun tal-Mediterran b’mod ġenerali. F’dan il-kuntest, huma qablu li d-djalogu politiku u n-negozjati sinċieri, kemm bilateralment kif ukoll multilateralment fi ħdan l-UE, jibqgħu kruċjali għal kwalunkwe progress.
Matul din iż-żjara, il-Ministri ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim dwar Kooperazzjoni Akkademika bejn il-Mediterranean Academy of Diplomatic Studies tal-Università ta’ Malta u l-Iskola Diplomatika tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Spanjola. Permezz ta’ dan il-ftehim, iż-żewġ naħat qablu li jistabbilixxu u jiżviluppaw kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-korp diplomatiku u konsulari sabiex ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn is-servizzi diplomatiċi taż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru Bartolo indirizza wkoll avveniment fl-Iskola Diplomatika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, l-Unjoni Ewropea u l-Kooperazzjoni, li matulha kellu l-opportunità li jiskambja ideat dwar il-Libja u l-Lvant tal-Mediterran ma’ numru ta’ gruppi ta’ ħsieb Spanjoli. Il-Ministru Bartolo kellu wkoll laqgħa virtwali mal-komunità Maltija fi Spanja.
Ritratt: MFEA