Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet barranin Ċiprijott Nikos Christodoulides f’Nikosija.
Huma ddiskutew kif isaħħu r-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi fl-oqsma politiċi u kummerċjali. Qablu li jkomplu jiftħu l-ambaxxati flimkien f’għadd ta’ pajjiżi biex jgħinu lil xulxin minħabba ċ-ċokon tagħna. Il-Ministru Bartolo semma kif il-mexxejja taż-żewġ pajjiżi Dom Mintoff u l-Arċisqof Makarios kellhom viżjoni li għadha tgħodd sal-lum. Riedu l-gżejjer ikunu ħielsa minn forzi nukleari barranin u jibnu relazzjonijiet ta’ koperazzjoni u ta’ paċi mal-pajjiżi kollha.
Il-Ministru Bartolo qal li bħala stat żgħir Malta tista’ tifhem is-sitwazzjoni diffiċli li tinsab fiha Ċipru minħabba t-tilwim mat-Turkija fuq ta’ min hu l-baħar ta’ bejniethom u ta’ min huwa l-gass u ż-żejt fl-ibħra ta’ madwarhom. Il-Ministru Bartolo qal li Malta trid li t-tilwim jiġi solvut b’mod ġust ma’ kulħadd bil-ħarsien tal-liġi internazzjonali u b’rispett lejn is-sovranità.
Il-Ministru Bartolo qal li l-pajjiżi involuti għandhom ifittxu kompromess, diffiċli kemm hu diffiċli. Qal li jekk ma jintlaħaqx kompromess se jikber il-kunflitt li jweġġa’ lil kulħadd iżjed minn kull kompromess.
Il-Ministru Evarist Bartolo spjega x’diffikultajiet kbar qed tiffaċċja Malta bl-immigrazzjoni irregolari u kif pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ħadu biss 8% tal-immigranti li waslu. Huwa saħaq li bis-saħħa tal-koperazzjoni mal-gwardja tal-kosta Libjana żammew mat-3,700 immigrant milli jaslu Malta.
Il-Ministru Bartolo ltaqa’ wkoll mas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ċiprijott Socrates Socratous fejn saħqu fuq l-impenn biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi fl-oqsma tal-immigrazzjoni, il-paċi fil-Mediterran u sabiex Ċipru tingħaqad u l-komunitajiet jgħixu flimkien.
Ritratti: MFEA