“Kommess li nkompli nsaħħaħ id-Dipartiment tal-Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea li huwa ċentrali fit-tħejjija tal-politika tal-Gvern dwar l-istess Unjoni u lil’hinn”. Saħaq dan il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis waqt żjara lid-Dipartiment imsemmi fejn iltaqa’ mal-uffiċjali kollha li jaħdmu id f’id mar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea.Il-Ministru Zammit Lewis faħħar l-isforzi kollettivi tat-tim kollu fi ħdan id-Dipartiment biex titħejja l-pożizzjoni ta’ Malta fi Brussell fid-diversi laqgħat tekniċi li jsiru ta’ kuljum u biex fuq kollox, jitħares l-interess nazzjonali.
B’referenza għal Brexit, il-Ministru Zammit Lewis tenna l-impenn tiegħu biex jgħolli l-livell tal-preparamenti għal kull xenarju, u f’dan ir-rigward,irringrazzja lid-Dipartiment għall-kooperazzjoni sħiħa biex il-Gvern, l-industriji, in-negozji żgħar u medji u ċittadini kollha jkunu mħejjija bl-aqwa mod għal kull eventwalità.
Il-Ministru temm billi ħeġġeġ l-uffiċjali kollha biex permezz ta’ dan id-Dipartiment, li ġie imsaħħaħ u elevat minn Segretarjat, ikomplu jkunu protagonisti fis-suċċess ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.