Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis il-Ġimgħa kellu laqgħa ta’ kortesija mad-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil, Nina Gregori.
Huwa żar l-uffiċini tal-istess Aġenzija Ewropea li hija bbażata f’Malta u li tmexxi missjonijiet f’żoni li huma l-aktar affettwati mill-migrazzjoni, primarjament fil-Greċja, f’Ċipru, fl-Italja u f’Malta. F’dan il-kuntest, Gregori spjegat li sa tmiem is-sena d-dieħla, hu ppjanat li l-aġenzija tespandi biex timpjega total ta’ 500 uffiċjal ibbażati f’pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Lewis u Nina Gregori tkellmu dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa fuq il-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin, mill-2021 sal-2027, u l-importanza ta’ żieda fl-allokazzjoni għall-immaniġġjar tal-migrazzjoni.
Dan lil hinn mill-ħtieġa ta’ qbil fuq mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni msejjes fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà b’responsabbiltà bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Dan bil-għan li jevita l-bżonn ta’ soluzzjonijiet ad hoc li mhumiex sostenibbli.
Iż-żewġ naħat tkellmu wkoll dwar l-importanza tal-integrazzjoni, u modi differenti kif jistgħu jsaħħu l-koperazzjoni bejniethom.