“Lest li nikkumbattu dan ir-rapport linja linja. Malta b’wiċċha minn quddiem neħħiet is-segretezza, għandha t-trasparenza u dejjem ġiet evalwatha kull sentejn għalekk m’għandniex minn xix niddejqu.”
Hekk qal il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fuq PJAZZA lbieraħ fid-dawl ta’ rapporti li dehru fuq il-midja Ġermaniża u kif ukoll lokali, fejn intqal li Malta hu post fejn wieħed jista’ jaħrab mit-taxxa.
Scicluna qal li wara li deher quddiem il-Pana Committee dwar dak li għandu x’jaqsam mal-evażjoni fiskali, hu ċaħad kull tip ta’ allegazzjoni li Malta hu pajjiż li wieħed għandu jmur biex jaħrab mit-taxxa. Sostna li filwaqt li l-kumitat hu wieħed serju għandu ideat ħżiena u r-rapporti li ħarġu huma skorretti.
Il-Ministru qal li kien hemm min qed jipprova jibbulja lil pajjiżna dan għax minalih li se nċedu. Hu qal ukoll li ltaqa’ mal-Ministru Ġermaniż għall-Finanzi, Wolfgang Schauble, fejn wera s-sodisfazzjon dwar kif Malta qed tmexxi l-Presidenza Maltija u li jinsab konvint dwar dak li qed ngħidu u li l-midja hi żballjata.
Scicluna qal ukoll li l-Ministru Schauble stiednu biex jitla’ Berlin u flimkien man-nies tekniċi tiegħu jattendi għal-laqgħa mal-midja biex jiddiskutu r-reputazzjoni ta’ Malta u l-governanza li għandna f’pajjiżna.