Malta qed tifforma parti mit-tim tan-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea li qed imexxi n-negozjati dwar il-ftehim finali dwar il-klima li se jiġi adottat mill-Konferenza COP28.
Hekk kif ħafna pajjiżi minn madwar id-dinja qed jiltaqgħu f’Dubaj biex jinnegozjaw pożizzjoni kollettiva dwar it-tibdil fil-klima, l-Unjoni Ewropea qed tieħu rwol ċentrali bħala waħda mill-protagonisti f’dawn it-taħditiet. Wieħed mis-suġġetti li bħalissa qed jiġi diskuss ħafna hu l-programm għall-mira globali dwar l-addattament.
F’dawn in-negozjati, l-Unjoni Ewropea qed tiġi rappreżentata mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, u l-Ministru Awstrijaka, Leonore Gewessler.
Il-Ministru Dalli tenniet li dan hu riżultat ieħor tal-fiduċja li qed tgawdi Malta fuq livell globali.
“Il-fatt li ntagħżilna, flimkien mal-Awstrija, biex inkunu qegħdin ninnegozjaw it-test dwar l-addattament fil-COP28 huwa xhieda tal-fiduċja li teżisti f’pajjiżna. Qegħdin ninnegozjaw ukoll f’isem l-Unjoni Ewropea. U qegħdin hawnhekk, għax irridu nilħqu kunsens bejn il-pajjiżi kollha. ”
Din hi l-ewwel darba li Malta ntagħżlet biex tkun parti mit-tim ta’ negozjaturi tal-Unjoni Ewropea fit-tmexxija ta’ waħda mit-temi ewlenin waqt konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima.
Hekk kif din il-konferenza ta’ 12-il jum qed toqrob lejn tmiemha, il-197 pajjiż, li qed jiltaqgħu f’Dubaj, qed jaħdmu biex jilħqu ftehim dwar soluzzjonijiet effettivi għall-emerġenza fil-klima. Din is-sena Malta kellha rwol attiv ħafna waqt din il-laqgħa tal-Ġnus Magħquda dwar il-klima u organizzat diversi attivitajiet iffokati fuq l-isfidi differenti marbutin mat-tibdil tal-klima, speċjalment dwar l-isfidi u s-soluzzjonijiet għal stati membri gżejjer żgħar.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li l-involviment ta’ pajjiżna fin-negozjati qed jibgħat messaġġ ċar dwar il-pożizzjoni tagħna, xhieda li anke pajjiżi żgħar jista’ jkollhom rwol b’saħħtu fl-innegozjar ta’ ftehim li jeħtieġ il-kunsens tal-istati kollha biex jirnexxi.
“Huwa xhieda wkoll tal-importanza ta’ pajjiżi żgħar. Ta’ gżejjer li huma stati u li huma żgħar ħafna u li huma importanti ħafna f’dawn in-negozjati. U allura qegħdin inkomplu nimbottaw bħala pajjiż u bħala Unjoni Ewropea. Għax ma nistgħux immorru lil hinn mill-impenn li jittieħed li t-temperaturi ma jitilgħux iżjed minn 1.5 gradi Celsius.”
Fost il-miżuri li qed jiġu diskussi hemm inizjattivi marbutin mal-iskarsezza tal-ilma, inizjattivi li jiżguraw il-provvista t’ikel u l-produzzjoni agrikola, it-tisħiħ tar-reżiljenza kontra l-impatti fuq is-saħħa, il-ħarsien tal-ekosistemi, infrastruttura aktar reżiljenti, miżuri kontra l-faqar minħabba l-impatti tal-klima, kif ukoll il-ħarsien tal-wirt kulturali.
Dan iwassal biex kull pajjiż jipprepara u jaddatta ħalli l-konsegwenzi ta’ dawn l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima jitnaqqsu kemm jista’ jkun.
Il-Presidenza tal-Konferenza f’Dubaj mistennija tagħlaq COP28 bi ftehim ġdid nhar it-Tlieta 12 ta’ Diċembru, madankollu jonqos diversi punti li jeħtieġ jinkiseb qbil dwarhom.