Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli xejnet kritika li saret mid- Deputat Nazzjonalista Claudette Buttiġieġ li fil-Parlament li allegat li Malta marret lura f’dak li għandu x’jaqsam mal-ugwaljanza fis-soċjetà.
Il-Ministru Dalli, li kienet qed titkellem fl-aġġornament tal-Parlament it-Tlieta fil-għaxija fl-okkazzjoni ta’ Jum il-Mara li huwa ċċelebrat illum, qalet li kemm Buttigieg kif ukoll qablu Clyde Puli u l-Kap tal-Oppoizzjon li għawġu l-fatti meta kkwotaw statistika ppubblikata mill-Forum Ekonomiku Dinji fil-Global Gender Gap Index.
Butigieg allegat li fl-aħħar erba’ snin, Malta tilfet 24 post biex mit-48 post fl-2013, issa qed tikklassifika fl-108 post minn 144 pajjiż. Semmiet fost l-oħrajn li fis-settur tas-saħħa Malta tilfet 42 post waqt li fl-edukazzjoni tilfet 53 post.
Il-Ministru Dalli qalet li t-tliet deputati nazzjonalisti jafu li l-iskop ta’ dan ir-rapport mhux li jikkwantifika il-progress jew l-iżvilupp fil-pajjiż iżda ikejjel biss id-differenza bejn in-nisa u l-irġiel. Dan huwa totalment differenti minn meta titkellem fuq progress.
L-istess Forum Ekonomiku Dinji jgħid li fir-rapport mhux qed jitkellemu fuq l-iżvilupp tal-pajjiż, fuq kemm mixjin ’l quddiem in-nisa iżda fuq id-differenza bejn nisa u irġiel, irrispettivament minn kemm mexa ’l quddiem jew lura l-pajjiż.
Dalli qalet li r-rapport iħares lejn erba’ indikaturi: il-parteċipazzjoni ekonomika, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-politika. Żiedet li “jekk inqabblu lejn il-punteġġ ta’ Malta fl-2016 ma’ dak tal-2013 joħroġ li għall-kuntrarju Malta tejjeb il-punteġġ tiegħu fl-isfera tal-parteċipazzjoni ekonomika”.
Pajjiżna mar aħjar fir-rigward tan-nisa fis-suq tax-xogħol, kemm hemm nisa f’pożizzjonijiet għolja u kemm hemm nisa professjonisti.
Il-Ministru qalet li anqas hu veru li Malta merret lura fil-qasam tas-saħħa. Fil-fatt pajjiżna għandu punteġġ tajjeb ħafna u għandna kważi ugwaljanza sħiħa fejn tidħol il-healthy life exceptancy.
Fl-isfera tal-edukazzjoni, fl-2016, Malta ingħatat punteġġ ftit aktar baxx mis-snin ta’ qabel. Il-Gvern ġibed l-attenzjoni tal-Forum li l-mod li bih wasal għal dan huwa anomalu għax f’Malta l-iskola primarja hija obligatorja b’mod ugwali. Min-naħa l-oħra, jista’ jkun differenza fl-edukazzjoni terzjarja għax din mhix obligatorja minkejja li nafu li hemm aktar bniet li qegħdin jiggradwaw mill-Università.
Fis-settur tal-politika, pajjiżna dejjem ingħata punteġġ baxx għax għandna parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fil-politika u wieħed irid jara kif jista’ jagħmel il-parlament ikun aktar family-friendly, speċjalment f’dawk li huma ħinijiet.
Fl-aħħar nofs tad-diskors tagħha, l-Ministru Dalli elenkat it-titjieb li għamel il-Gvern Laborista fl-aħħar erba’ snin favur il-mara fl-oqsma kollha tal-ħajja.