Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana għadu kif kellem lill-ġurnalisti dwar il-Budget li se jkun qed jippreżenta f’isem il-Gvern għas-sena li ġejja.
Dan huwa l-ewwel diskors tal-Budget li se jkun qed jaqra l-Ministru Caruana.
F’ritratti ppubblikati mid-Dipartiment għall-Informazzjoni, il-Ministru Clyde Caruana jidher bil-bagalja tal-budget li fiha jkun hemm kopji ta’ dokumenti tad-diskors tal-budget.
Il-Ministru Caruana dalwaqt se jaqbad it-triq mill-Ministeru għall-Finanzi fil-Belt lejn il-palazz ta’ Sant’Anton fejn se jippreżenta kopji tal-Budget lill-President ta’ Malta George Vella.
Dr Vella jiffirma l-kopji tal-Budget f’ċerimonja qabel il-qari tal-Budget li għaliha jattendi wkoll l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.
Wara l-Ministru u l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti jirritornaw il-Belt biex hemmhekk il-Ministru jibda jħabbar il-Budget 2022 mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Dan f’seduta parlamentari li tibda fis-6pm iżda d-diskors tal-Budget jibda nofs siegħa wara hekk kif qabel isiru l-mistoqsijiet parlamentari.