Għaddejjin b’ritmu mgħaġġel ix-xogħlijiet fuq iċ-ċentru tal-ġinnastika fil-Marsa u mistennija jilħqu l-qofol tagħhom sa nofs din is-sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ ġie spjegat li ċ-ċentru huwa maqsum f’żewġ partijiet.
L-ewwel parti se tospita uffiċini għal programmi ta’ Sport Malta, ġinnastika, rugby u softball fost oħrajn, kif ukoll, hemm sala adattata għall-judo.
Fis-sular ta’ fuq tal-kumpless se jkun hemm sala kompletament għall-ġinnastika u se jkollha tagħmir u art tal-ogħla livell.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar stqarr li dan iċ-ċentru se jservi wkoll biex jospita kompetizzjonijiet sportivi.
“Kważi kważi wasalna fejn il-finalizzazzjoni ta’ dan il-proġett. Hawnhekk ħa jkun arena tal-ġinnastika, arena tal-ġinnastika tant mistennija sew mill-akkademji u sew mill-klabbs kif ukoll biex nospitaw kompetizzjonijiet internazzjonali. Inżommu f’moħħna li l-ġinnastika hija l-pilastru ta’ kull sport.”
Il-Ministru responsabbli mill-Isport Clifton Grima żar il-lant tax-xogħol fejn iltaqa’ ma’ diversi ħaddiema f’dan il-proġett.
Clifton Grima rrimarka li dawn l-akkwati fil-Marsa qed jinbidlu f’villaġġ sportiv.
“Qegħdin naraw diversi dixxiplini li qed jibbenefikaw minn diversi faċilitajiet sportivi li sal-bieraħ kienu neqsin u allura kien hemm disservizz lejn dik li hija l-komunità sportiva. Aħna qegħdin ninvestu biex nassiguraw li jkollna faċilitajiet li jikkumplimentaw dawk diġà eżistenti, faċilitajiet li jistgħu jintużaw waqt il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar iżda fuq kollox faċilitajiet li ħa jħallu l-legat tagħhom għal wara dan l-avveniment tant prestiġjuż li pajjiżna ħa jkun qiegħed jospita mid-29 ta’ Mejju ‘l quddiem.”
Il-Ministru Grima temm jgħid li l-Gvern investa aktar minn sittin miljun ewro f’faċilitajiet sportivi u rringrazzja l-assoċjazzjonijiet tal-isport għal xogħolhom.