Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, indirizza konferenza li għaliha attendew rappreżentanti minn kunsilli lokali, NGOs u żgħażagħ li ħadu sehem fil-proġett ‘Pump It… Empowered’, inizjattiva konġunta bejn l-NGOs MOVE u MMSA (Malta Street Sports Alliance).
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bonett saħaq fuq ir-rwol kruċjali taż-żgħażagħ fil-bidla pożittiva li l-gvern qiegħed iwettaq fl-ispazji urbani, b’enfasi fuq l-ambjent u l-mobbiltà alternattiva. “L-enerġija u l-kreattività taż-żgħażagħ jistgħu jissarrfu f’proposti konkreti, bħal f’dan il-każ, fejn ġew ippreżentati rakkomandazzjonijiet dwar kif niddisinjaw u nħaddmu l-ispazji pubbliċi tagħna,” qal il-Ministru Bonett. Huwa spjega l-viżjoni tiegħu u tal-gvern biex l-ippjanar urban iservi lin-nies u mhux bil-maqlub. “Proġetti bħal dawk ta’ ‘Vjal Kulħadd’ u l-bidla fil-pjazza tal-Birgu li inawgurajna ftit ġimgħat ilu huma eżempji konkreti ta’ kif qed inġibu l-ispazji lura lin-nies, mhux biss bħala postijiet ta’ passaġġ, iżda bħala ċentri ħajjin ta’ identità u komunità”, temm jgħid il-Ministru Bonett.

F’din l-okkażjoni, ġew ippreżentati wkoll tliet rakkomandazzjonijiet mill-proġett ‘Pump It… Empowered’, ibbażati fuq attivitajiet ta’ street sports u proċessi ta’ placemaking maż-żgħażagħ madwar Malta. Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin jipproponu sehem aktar attiv miż-żgħażagħ fil-proċess ta’ disinn ta’ proġetti, infrastruttura li tħeġġeġ stil ta’ ħajja attiv kif ukoll sħubijiet strutturati bejn għaqdiet u entitajiet diversi li jwasslu għall-użu tal-ispazji pubbliċi permezz ta’ attivitajiet regolari.
Il-Ministru Bonett laqa’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u qal li dawn iservu bħala ispirazzjoni għal dawk li jfasslu l-politika. “Jekk irridu li ż-żgħażagħ ikunu parteċipi fil-komunità, irridu noħolqu spazji li jagħtuhom vuċi, opportunitajiet u sens ta’ sħubija fil-bidla li rridu naraw”.
Hu żied li l-gvern se jkompli jikkollabora mal-kunsilli lokali u mal-NGOs biex jintegraw dawn il-prinċipji fil-proġetti infrastrutturali u ta’ żvilupp urban, kemm fuq livell lokali kif ukoll nazzjonali.